“Għada mhux se nitkellmu iżjed dwar Budget Day imma se tkun Budget week.”
Kien b’dan il-mod li l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ndirizza l-aħħar laqgħa ‘Ejja u għid tiegħek’ tal-Partit Laburista lejliet li l-Gvern iħabbar il-Baġit 2025.
Dr Abela spjega kif wara li għada jinqara d-diskors tradizzjonali tal-Baġit mill-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, u li se jikkomunika d-direzzjoni li pajjiżna jrid jieħu f’diversi setturi, se jtellaq ġimgħa ta’ tħabbir ta’ miżuri.
Qal, “Fil-ġimgħa sħiħa li ssegwi l-jum ta’ għada se jkun hemm tħabbiriet minn kull Ministru tħabbriet sostanzjali minn kull settur separat li bih se nkunu qegħdin nagħtu direzzjoni speċifika fuq kull Ministeru u għalhekk hija Budget Week b’differenza minn snin ta’ qabel għaliex f’kull ġurnata, kull Ministeru separat se jkun qed jagħmel dawn it-tħabbiriet relevanti għall-Ministeru tiegħu u nagħtu d-direzzjoni ta’ fejn irridu nkunu f’dak is-settur għaż-żmien li ġej.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-aspettativà tal-Baġit ta’ għada.
Qal, “Se jkun Baġit b’differenza għaliex filwaqt li se nsostnu l-mudell tal-Baġits li kellna mill-2013 ‘l quddiem mhux biss se jkun Baġit mingħajr taxxi ġodda għada imma ħa jkun dak il-Baġit li fih se nkunu qegħdin inaqqsu l-Income Tax bl-ikbar mod li qatt kellna. Se nwessgħu t-tax bands aħna u nagħtu l-akbar tnaqqis tat-taxxi li qatt kellna f’pajjiżna. Wegħda oħra importanti li se nkunu qegħdin inwettqu għada.”
Dan apparti li tenna kif il-Baġit 2025 mistenni jkompli jsaħħaħ il-benefiċċji soċjali bħall-pensjonijiet u li se jżomm fis-seħħ is-sussidji marbuta mal-prezzijiet tal-enerġija u fuq il-fjuwils.
Dr Abela attribwixxa dan kollu għall-fatt li pajjiżna għandu sitwazzjoni ekonomika pożittiva u elenka r-rata b’saħħitha ta’ tkabbir ekonomiku, mar-rata baxxa tad-dejn nazzjonali, it-tnaqqis fid-defiċit b’mod strutturat, u r-rata baxxa ta’ qgħad li lkoll jagħmluha possibbli biex il-Baġit ikun wieħed li jkompli jinċentiva kwalità ta’ ħajja ogħla.
Il-Prim Ministru temm jgħid li għalhekk wara t-titjib fil-qagħda finanzjarja tal-poplu Malti u Għawdxi, il-Gvern se jiffoka aktar fuq il-livell ta’ għajxien aħjar.