Membri tal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista żaru il-Playcon, l-avveniment ewlieni għal-logħob diġitali, l-eSports u l-iżvilupp tal-logħob diġitali, li qed tittella’ fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Dawn kellhom l-opportunità li jaraw u jitkellmu ma’ bosta esebituri, li f’din ir-raba’ edizzjoni kienu jgħoddu mas-60 wieħed fuq spazju mifrux fuq 7,500 metru kwadru, filwaqt li ngħataw spjegazzjoni tal-inizjattivi u l-attivitajiet li qed jittellgħu fil-Playcon, li din is-sena reġgħet attirat eluf ta’ viżitaturi.
Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista faħħar l-impenn li qed juru l-organizzaturi tal-Playcon għax qal huwa avveniment siewi għall-pajjiż minħabba li qed jesponi l-potenzjal ta’ din in-niċċa ekonomika ġdida, maħluqa minn Gvern Laburista, u li qed tikber b’rata mgħaġġla fl-ekonomija globali.
Intqal ukoll li din in-niċċa ekonomika qed tattira investiment kbir lejn Malta, kif ukoll qed jinħolqu impjiegi ta’ kwalità.
“L-imħabba għall-gaming hija xi ħaġa li tista’ twassal għal opportunitajiet kbar kif diġà ħaduhom diversi Maltin u Għawdxin. Din hija vetrina sabiħa ħafna li turi l-viżjoni li Gvern Laburista ħoloq fl-elfejn u tlettax u illum il-ġurnata għandna xi ħaġa bħal din reali, fejn qed naraw kumpaniji barranin li qed jiġu f’Malta jinvestu u jkabbru l-operat tagħhom f’pajjiżna.”
ALEX AGIUS SALIBA
Dwar dan tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Leonid Mckay.
“Bħala Partit Laburista nemmnu f’dan is-settur u għandna nkomplu ninvestu f’setturi simili bħala perusni li jistgħu jgħaqqdu l-matematika u l-arti u nistgħu naraw li dawn l-industriji jkollhom żgħażagħ u persuni li jistgħu jidħlu ‘l quddiem fihom.”
LEONID MCKAY