L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni flimkien mal-Kumitat dwar il-Liċenzjar tal-Kuntratturi tellgħu żewġ laqgħat ta’ informazzjoni għal dawk kollha li kienu applikaw għal-liċenzja tal-kuntratturi.
Għaż-żewġ laqgħat, attendew ‘l fuq minn 500 kuntrattur li jaħdmu fit-twaqqigħ, iskavar, piling u l-bini, u li beħsiebhom ikomplu joperaw taħt il-liġi l-ġdida.
Fil-laqgħat, ġie spjegat il-proċess kollu li fadal sabiex jinħarġu l-ewwel liċenzji tal-kuntratturi. Fil-fatt, fil-jiem li ġejjin il-BCA se tkun qed tibgħat l-aħħar korrispondenza lill-applikanti kollha sabiex jissottometu l-aħħar dokumentazzjoni li fadal.
Dan se jkun l-ewwel eżerċizzju fl-istorja tal-industrija tal-kostruzzjoni li se jinħarġu liċenzji għal kuntratturi li jaħdmu fit-twaqqigħ, l-iskavar u l-bini. Fil-fatt, mill-1 ta’ Jannar li ġej dawk kollha li jaħdmu f’dawn l-oqsma se jkollhom l-obbligu li jkunu liċenzjati.
Sadanittant, l-Awtorità se tibqa’ tirċievi aktar applikazzjonijiet għal-liċenzji ġodda, li madankollu dawn mhux bilfors tilħaq tinħarġilhom il-liċenzja sal-1 ta’ Jannar. L-ewwel preferenza se tkun qed tingħata lil dawk kollha li sa issa kien qed jaħdmu b’permess temporanju mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni.
Fil-laqgħat ġie spjegat kif il-liċenzji se jinħarġu kemm lill-persuni li jaħdmu f’dan is-settur u anke lill-kumpaniji. Il-liċenzja se toħroġ abbażi tal-kompetenza, esperjenza u proġetti, u għalhekk mhux mħtieġ li jsir eżami sabiex persuna jew kumpanija tikseb il-liċenzja.