Hekk kif il-Konsultazzjoni pubblika b’rabta mar-riforma fil-Qorti tal-Familja daħlet fir-raba’ ġimgħa, il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Ministeru għall-Politika Soċjali komplew b’sensiela ta’ laqgħat mal-istakeholders prinċipali fis-settur. F’diskussjoni miftuħa, l-avukati tkellmu dwar l-iżviluppi li saru fl-aħħar snin iżda wkoll l-isfidi li għadhom jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum, u kif din ir-riforma se tindirizzahom.
Il-Ministri Jonathan Attard u Michael Falzon tkellmu dwar l-importanza tad-diskussjoni pubblika u permezz ta’ dawn is-sottomissjonijiet, din ir-riforma tkompli tissaħħaħ, għal ġustizzja aktar effettiva u proċeduri aktar effiċjenti, anke fil-Qorti tal-familja.
Intqal li t-tibdil jista’ jsir bil-kooperazzjoni ta’ kulħadd, biex ir-riforma tal-Qorti tal-Familja tassew tagħmel differenza.
Id-diskussjoni żvolġiet fuq diversi temi inkluż il-possibbiltà ta’ standardizzazzjoni ta’ kif jiġi proċessat l-ammont tal-maniteniment dovut, id-deċiżjonijiet ta’ kura u kustodja fl-aħjar interess tat-tfal u kif il-proċess jista’ jsir jew ikun aktar effiċjenti u effettiv
Fost l-avukati preżenti li jipprattikaw fil-qasam tal-familja kien hemm ukoll Dr Amanda Spiteri Grech li qalet li din hija riforma importanti, li ilha tinħass ħafna l-ħtieġa li ssir u għalhekk il-kontribut tal-professjonisti flimkien mal-leġiżlattiv hija kruċjali biex titwettaq ir-riforma li hemm bżonn – sabiex id-deċiżjonijiet isiru favur l-ulied.