Sitt snin ilu, kumpanija fl-industrija tas-semikondutturi bdiet mill-Kordin Business Incubation Center bi tlettax-il ħaddiem u llum telgħu għal aktar minn ħamsin ħaddiem.
Dan intqal waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri lill-kumpanija 4JM Solutions.
Ġie spjegat kif din baqgħet tikber internazzjonalment, b’ħiliet fil-manutenzjoni ta’ makkinarju industrijali ta’ livell għoli, joffru servizzi ta’ għajnuna u sapport loġistiku li jinsabu fin-Nofsinhar tal-Ewropa, l-Afrika ta’ Fuq u l-Ewropa tal-Punent.
Id-Direttur tal-kumpanija Joseph Muscat tkellem dwar il-progress sinifkanti f’din l-industrija.
“Aħna bdejna literralment mill-Malta Enterprise, bdejna mill-Kordin Incubation Centre u bdejna mexjin, sakemm il-ġurnata wasalna hawnhekk u nimpjegaw ’il fuq minn ħamsin persuna. Naħdmu fis-settur tas-semikondutturi, industrija diffiċli ħafna, imma ta’ sodisfazzjon kbir.”
JOSEPH MUSCAT
Il-Ministru Schembri faħħar lil din il-kumpanija għall-innovazzjoni u l-impenn tagħhom lejn l-eċċellenza, waqt li joħolqu mpjiegi ta’ valur għoli b’kundizzjonijiet tajbin.