Mill-1 ta’ Novembru, il-parkeġġ tal-Isptar Mater Dei se jkun b’xejn għall-pazjenti outpatients li jmorru l-Isptar għal visti u kura fl-Isptar tal-Onkoloġija, għal servizzi fid-Dipartiment tal-Outpatients, kif ukoll pazjenti li jmorru għal servizzi tar-radjologija fil-Medical Imaging Department.
Kull xahar madwar 55,000 persuna jagħmlu użu minn dawn is-servizzi fl-Isptar u għaldaqstant il-Gvern qed jimplimenta din l-inizjattiva sabiex dawn il-pazjenti ma jibqgħux iħallsu għal parkeġġ.
Ġie spjegat li mill-1 ta’ Novembru dawn il-pazjenti għandhom jippreżentaw l-appuntament flimkien mal-karta tal-identità u l-biljett tal-parkeġġ, fir-reception prinċipali taI-Isptar. Dan sabiex il-biljett jiġi validat u ma jsir l-ebda ħlas mal-ħruġ mill-parkeġġ.
Ħabbar dan il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela li spjega li dan qiegħed isir għaliex il-Gvern jemmen li l-isptar huwa tan-nies u għalhekk huwa xieraq li din il-miżura tiħdol fis-seħħ malajr kemm jista jkun.
“Madwar ħamsa u ħamsin elf persuna fix-xahar jagħmlu użu mis-servizzi tal-Outpatient fl-Isptar Mater Dei. Mil-ewwel ta’ Novembru dawn il-persuni se jibbenefikaw mit-tneħħija tal-miżata ta’ parkeġġ fil-Carpark ta’ Mater Dei.”
JO ETIENNE ABELA
Il-Ministru temm jgħid li din hi l-ewwel fażi ta’ din l-inizjattiva hekk kif qed tiġi esplorata l-possibbiltà li din il-miżura tiġi estiża għall-qraba li jżuru familjari tagħhom rikoverati l-isptar.