L-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta u l-Business First iffirmaw ftehim ta’ koperazzjoni biex in-negozji, kemm dawk li jkunu se jibdew u dawk li qed jikbru, ikollhom servizz imtejjeb fejn jidħol l-aċċess għall-fondi Ewropej.
Dan il-ftehim sar fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, il-Kapijiet Eżekuttivi ta’ SEM u ta’ Business First, Rodrick Zerafa u Marika Tonna.
Il-ftehim jistabbilixxi modi ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet governattivi biex uffiċjali ta’ SEM jagħtu taħriġ lill-impjegati ta’ Business First dwar opportunitajiet ta’ fondi Ewropej għan-negozji. B’hekk jingħata servizz aħjar u n-negozji jkollhom iktar għarfien dwar sorsi ta’ appoġġ għan-negozju tagħhom.
Min-naħa l-oħra, SEM tkun mgħarrfa aktar bil-ħtiġijiet tan-negozji u tkun tista’ tiggwidahom aħjar lejn sorsi ta’ finanzjament għal dak li jkunu jixtiequ jespandu fih.