Aktar kmieni din il-ġimgħa tressqet emenda fil-liġi biex għall-ewwel darba fl-istorja, jinħoloq bord tas-sajd li jirrappreżenta r-realtajiet u l-bżonnijiet tas-settur tas-sajd b’mod aktar ħolistiku.
Din l-emenda, li tressqet mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, se tkun qed tara li jinħoloq bord tas-sajd li joffri vuċi lis-sajjieda kollha Maltin u Għawdxin.
Fid-diskors tagħha, Bugeja Said, spjegat kif dan il-bord se jkun qed jara li s-sajjieda jkollhom post xieraq fejn jiġu mismugħa.
Fi stqarrija, l-Għaqda Sajjieda Attivi, spjegaw kif permezz ta’ din l-emenda, dan il-bord se jkun qed joffri spazju lil kull għaqda f’dan is-settur biex iressqu ‘l quddiem il-ħsibijiet tagħhom.
Spjegaw kif b’hekk dan il-bord se jkun qed jindirizza r-realtajiet tas-settur filwaqt li jipproponi aktar ideat u proposti.
Intant b’referenza għad-diskors tad-Deputat Nazzjonalista, Robert Cutajar, l-istess għaqda esprimiet id-diżappunt tagħha meta l-istess Cutajar ħoloq dubju jekk il-ħidma ta’ din l-għaqda hux wieħed ġenwin. L-għaqda spjegat kif fil-passat kienet teżisti koperattiva tas-sajjieda li maż-żmien għalqet il-bibien tagħha għal diversi raġunijiet u ma baqgħetx tirrappreżenta l-interessi tal-membri. Kien hemm li diversi sajjieda spiċċaw, jaqdfu għal rashom, mingħajr l-ebda rappreżentanza.
Spjegaw kif preżentament ma kien hemm l-ebda għaqda li tħares l-interessi tas-sajjieda kollha, kemm dawk kbar iżda aktar minn hekk iż-żgħar, u kien għalhekk li nħolqot din l-għaqda li toffri spazju għal kull sajjied biex isemma’ leħnu.
Temmew billi qalu li argumenti bħal dawn m’għandhomx isiru ballun politiku hekk kif jaf ipoġġi l-għixien ta’ bosta sajjieda bil-familji tagħhom fil-periklu.