F’dibattitu fil-Parlament Ewropew, l-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard appella lill-Unjoni Ewropea biex tkun konsistenti fil-mod kif tittratta l-kunflitti globali, waqt li insista li d-diplomazija tibqa’ l-aktar għodda effettiva għall-paċi dejjiemi.
Bħala Viċi President tad-Delegazzjoni Ewropea għall-Iran, Attard saħaq li biex tkun kredibbli, l-Unjoni Ewropea trid tapplika l-prinċipji tagħha b’mod konsistenti, mhux b’mod selettiv skont l-interessi ġeopolitiċi.
“Għax filwaqt li korrettament nikkundannaw l-azzjonijiet tal-Iran, sfortunatament nibqgħu siekta meta l-vjolenza mill-Istat tiġi ppreżentata bħala difiża tat-territorju.”
Attard għalhekk insista li kwalukwe pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea trid tkun ħielsa minn standards doppji.
L-Ewroparlamentari Laburista tkellem ukoll fuq il-bżonn li d-diplomazija tibqa’ fiċ-ċentru tal-isforzi Ewropej għall-paċi.
F’dan il-kuntest, Dr Attard ikkonkluda li filwaqt li s-sanzjonijiet jibqgħu meħtieġa, m’għandhomx jintużaw f’iżolament. Id-diplomazija, anki fl-iktar ċirkostanzi diffiċli, tibqa’ l-aktar triq b’saħħitha għall-paċi dejjiemi fil-Lvant Nofsani u lil hinn.