“Il-‘Malta Vision 2050’ se jkun dokument ħaj u ta’ pajjiż wieħed magħqud, waqt li se tagħti d-direzzjoni ċara ta’ fejn pajjiżna jrid imur fis-snin li ġejjin.” Dan intqal mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, waqt laqgħa pubblika oħra mill-Partit Laburista bit-tema ‘Lokalitajiet li rridu ngħixu fihom’, li saret il-Ħamis filgħaxija fil-Fgura.
Dr Abela spjega li din il-viżjoni se tgħaqqad flimkien lill-ministeri, waqt li se ssir b’għajnuna wkoll internazzjonali. Minbarra l-mira sas-sena 2050, kif jindika d-dokument, hemm miri intermedjarji sal-għaxar snin li ġejjin, sal-2035.
Il-Prim Ministru appella biex kulħadd jgħaddi l-ħsibijiet tiegħu f’dan id-dokument li se jkun tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Qal, “Nistieden lis-soċjetà, b’mod ġenerali, li tipparteċipa f’dan id-dokument, għax se jkun litteralment dokument ħaj ta’ pajjiż wieħed. Mhux se jkun dokument tal-Partit Laburista jew ta’ Gvern Laburista, imma ħa jkun dokument ta’ pajjiż wieħed magħqud u sħiħ, li fih infasslu fejn irridu naraw lit-tfal tagħna, il-ġenerazzjoni żagħżugħa, dan il-pajjiż b’mod ġenerali jimraħ fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, tant setturi differenti, li ngħaqqduhom flimkien safejn irridu naslu għall-2035 u għall-2050.”
Fid-diskors tiegħu, Dr Abela sostna li l-Partit Laburista hu favur it-tisħiħ tal-kunsilli lokali, waqt li l-għan ta’ dawn il-laqgħat hu li jinstemgħu r-realtajiet tan-nies biex, imbagħad, il-Gvern jaġixxi.
Preżenti għal din il-laqgħa fil-bini tal-uffiċini tal-Kunsill Lokali tal-Fgura kien hemm diversi persuni minn kull sfera tas-soċjetà, li wkoll esprimew fehmithom dwar bosta sfidi li qed jolqtu l-lokalitajiet ta’ pajjiżna.
Dawk li tkellmu sostnew dwar il-ħtiġijiet tar-residenti u tan-negozji, is-sens komunitarju fit-teħid tad-deċiżjonijiet, it-tisbiħ tal-lokalitajiet, it-tnaqqis tal-karozzi mill-qalba tal-irħula u l-ibliet, il-ħolqien ta’ aktar żoni pedonali, inċentivi għat-trasport pubbliku, aktar miżuri fiskali li jħajru aktar nies jixtru djar antiki f’żoni urbani ta’ konservazzjoni u ppjanar b’mod strateġiku fi proġetti meħtieġa fil-lokalitajiet kollha.
L-aħħar laqgħa minn din is-serja se ssir il-Ħadd li ġej fl-Università l-Antika, il-Belt Valletta, mill-10:30 ta’ filgħodu ’l quddiem.