Il-ħames persuni mixlija li aggredew żewġ uffiċjali tal-Pulizija fil-Ħamrun ix-xahar li għadda, ingħataw il-ħelsien mill-arrest illum waranofsinhar, hekk kif kompliet il-kawża fil-Qorti.
Elton Anthony Borg ta’ 46 sena mill-Ħamrun, Kurt Borg ta’ 44 sena ukoll mill-Ħamrun, Erica Borg ta’ 42 sena mill-Imsida, Redimen Aquilina ta’ 23 mill-Ħamrun u Christian Mansueto ta’ 33 mis-Siġġiewi, li tressqu l-Qorti fit-23 ta’ Settembru, qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
L-akkużi jinkludu li l-użu ta’ vjolenza kontra l-uffiċjali pubbliċi, insulentaw, heddewhom u rreżistewhom, waqt li kkaġunaw feriti gravi lil wieħed minnhom, fost l-oħrajn.
L-erbat irġiel u l-mara kienu nżammu arrestati meta tressqu fil-Qorti l-ewwel darba, iżda mat-tkomplija tal-ġbir tal-provi l-Ħamis, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Monica Vella, laqgħet it-talbiet tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest.
Il-bail lil Elton u Kurt Borg ingħata b’depożitu ta’ €7,500 u garanzija personali ta’ €15,000 kull wieħed. Redimen Aquilina u Christian Mansueto kienu mitluba jiddepożitaw €3,000 kull wieħed u jipprovdu garanzija personali ta’ €5,000, waqt li l-ħelsien mill-arrest ta’ Erika Borg kien garantit b’depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €8,000.
Minbarra hekk, il-kundizzjonijiet jinkludu li l-akkużati huma pprojbiti milli jikkomunikaw mal-uffiċjali involuti fil-każ.