Tħabbru d-dettalji għall-‘Mixja tal-President’ ta’ din is-sena, l-ewwel waħda għall-President Myriam Spiteri Debono.
Dan l-avveniment annwali b’risq il-Malta Community Chest Fund se jsir il-Ħadd 17 ta’ Novembru u bil-format l-antik ta’ mixja singolari minn ħdejn il-Palazz ta’ Sant’Anton f’Ħ’Attard sa Pjazza San Ġorġ biswit il-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta.
Waqt it-tnedija, tħabbar kif din il-mixja se tkun qed tibda fit-8:30 ta’ filgħodu u, fi tmiemha, se tiġi organizzata ‘Festa Familja’ fil-Belt, b’attivitajiet għall-familja kollha.
Bħalma jiġri kull sena, l-għan ta’ dan kollu hu li jinġabru fondi biex jintużaw għal kawżi ġusti.
F’kummenti li tatna, il-President Spiteri Debono rringrazzjat lil dawk kollha li taw jew se jagħtu l-għajnuna tagħhom f’din il-ħidma.
“Il-karus tal-komunità, li qiegħed hemm biex, min ikollu bżonn u jitlob l-għajnuna, aħna nkunu nistgħu nagħtuhielu. Mingħajr, imma, il-kontribut tal-poplu, ma jkunx hemm x’inqassmu meta t-tbatija issejħilna biex intaffuha, għax jiena nħobb ngħid, it-tbatija ssejjaħlek biex ittaffiha.”
Dawk interessanti li jieħdu sehem fil-mixja, għandhom jirrikorru fl-uffiċini tal-kunsilli lokali kollha, fl-uffiċċju tal-Community Chest Fund fil-Belt jew fil-Palazz ta’ Sant’Anton, inkella mill-istabbilimenti tal-Eurosport, li qed jissaportjaw l-attività.
Mar-reġistrazzjoni, tinġabar donazzjoni ta’ €10, fejn jingħata flokk biex jintlibes dakinhar. Se jiġi pprovdut ukoll trasport b’xejn lil kull min ikun bil-flokk mit-trasport pubbliku, anke jekk ma jkollokx it-Tallinja Card.
Dan kif spjegat ukoll iċ-Chairperson tal-MCCF, Sina Bugeja.
“B’donazzjoni ta’ €10, ikun jista’ jixtri t-t-shirt u dan ikun sabiħ li lkoll kemm aħna nkunu b’dan it-t-shirt ħalli anke nagħmlu din l-istampa sabiħa ta’ dan il-grupp kbir miexi bejn San Anton u l-Belt, u ngħaddu messaġġ ukoll.