Id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni ffirmat ftehim ma’ tmin kunsilli lokali oħra biex kompliet twessa’ l-operat ta’ koperazzjoni tagħha fiż-żamma tal-lokalitajiet. It-tmin kunsilli li ffirmaw il-ftehim il-ġdid għall-ħames snin li ġejjin huma dawk tal-Birgu, Ħal Għaxaq, il-Gudja, il-Gżira, Marsaskala, l-Imqabba, ir-Rabat u l-Marsa.
Dan il-ftehim isegwi ieħor, li sar aktar kmieni din is-sena, ma’ 12-il kunsill separat, biex issa total ta’ 20 lokalità se jkunu qed igawdu minn investiment fir-riżorsi umani u makkinarju tal-ogħla kwalità biex jitnaddfu toroq residenzjali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield, sostna li l-investimenti mwettqa mill-Gvern qed iħallu l-frott tagħhom. Tenna li, permezz ta’ dawn il-ftehimiet li qed isiru issa, l-operat tal-Gvern fl-indafa pubblika qed ikompli jespandi biex in-nies ikomplu jħossu d-differenza.
Il-bażi ta’ dawn il-ftehimiet tibqa’ dejjem il-koperazzjoni u l-komunikazzjoni ħalli, b’hekk, ikunu jistgħu jifhmu bl-aħjar mod ir-realtajiet uniċi ta’ kull raħal u belt.
Is-Segretarju Parlamentari fisser ukoll kif wasal iż-żmien li fil-pajjiż jiġu introdotti kunċetti ġodda ta’ pieni għal min jinqabad iħammeġ.