Ippreparat ruħha għax ħasbet li kienu se jistuprawha u wara joqtluha. Hekk qalet Kim Kardashian, meta provdiet dettalji dwar it-tlieta ta’ Ottubru 2016. Jum li se tibqa’ tiftakru, għaliex insterqula ġojjelli b’valur ta’ $10 miljuni, inkluż ċurkett tal-għerusija ta’ 20 karat, minn appartament fejn kienet qed toqod f’Pariġi.
Iċ-ċelebrità ta’ 36 sena provdiet dettalji ta’ dak li ġara. Qalet li l-ħallelin daħlu fl-appartament, wieħed qabadha minn saqajha u kienet liebsa biss dressing gown. Eżatt fil-punt meta ħasbet li kienet se tkun stuprata, ma ġarax hekk. L-agressur minflok rabtilha saqajha flimkien bit-tape u żamm pistola ippuntata lejha. Dak il-ħin ħasbet li ħajjitha kienet se tintemm u bdiet taħseb xi trawma se tgħaddi minnha oħtha Kourtnet ladarba ssibha mejta.
Sbatax-il persuna kienu arrestati b’rabta mas-serqa.