Aktar kmieni dan ix-xahar, Malta pparteċipat f’laqgħa bejn il-Ministri tad-Difiża tal-pajjiżi Ewropej li huma parti minn missjoni ta’ żamma ta’ paċi tal-Ġnus Maqgħuda, magħrufa bħala UNIFIL, biex tiġi diskussa s-sitwazzjoni fin-Nofsinhar tal-Libanu, fejn f’din il-laqgħa, Malta sostniet li s-sigurtà tal-UNIFIL għandha tibqa’ prijorità.
Fi tmiem din il-laqgħa, Malta flimkien mal-Awstrija, il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, l-Olanda, il-Polonja u Spanja adottat dikjarazzjoni li ġiet ppubblikata l-Erbgħa.
Pajjiżna bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Maqgħuda qed ikompli jaħdem mill-qrib mal-imsieħba tal-Unjoni Ewropea u l-komunità internazzjonali sabiex nassiguraw is-sigurtà tas-suldati tagħna filwaqt li jiġi salvagwardjat il-mandat tal-UNIFIL.
Permezz tal-Forzi Armati ta’ Malta, pajjiżna ilu jikkontribwixxi l-UNIFIL, b’tim ta’ suldati min-Novembru 2018, u bħalissa Malta għandha uffiċjal u sitt suldati Maltin fil-Libanu, bis-suldati kollha jipparteċipaw fuq bażi volontarja. Wara proċess ta’ għażla, dawn jingħataw taħriġ rigoruż kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta, bil-kontinġent tal-Forzi Armati ta’ Malta huwa bbażat mal-Battaljun Irlandiż.