Ġiet imnedija l-Karta għall-Istatus tal-Artist waqt it-tielet edizzjoni tal-Istat tal-Arti – Is-Simpożju Nazzjonali ta’ Malta.
L-għan ta’ din il-Karta hija biex tagħti qafas dinamiku ta’ referenza għal kwalunkwe leġiżlazzjoni, politika, jew inizjattiva li jkollha impatt dirett jew indirett fuq is-settur kulturali u kreattiv.
Din il-Karta tiddeskrivi b’mod koeżiv I-istatus soċjali, ekonomiku u legali tal-artisti Maltin u l-istandards u l-azzjonijiet leġiżlattivi meħtieġa għall-ħarsien u għat-tisħiħ ta’ status bħal dan fil-Gżejjer Maltin.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal:
“Ninnota b’sodisfazzjon li llum qed jittella’ t-tielet edizzjoni ta’ dan is-simpożju kulturali importanti, li verament sar pilastru fil-formazzjoni tas-setturi kreattivi tagħna. Dan l-avveniment nazzjonali qed ikollu rwol kruċjali fit-tfassil tal-ġenerazzjonijiet futuri tal-artisti u l-kreattivi, u qed iħalli legat dejjiemi fuq ix-xena kulturali.”
Huwa spjega kif it-tnedija tal-Karta Nazzjonali hija waħda mill-prijoritajiet fl-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti u huwa ispirat mir-Rakkomandazzjonijiet tal-UNESCO dwar l-Istatus tal-Artisti u l-iżviluppi sussegwenti tagħha, u tappoġġa u tħeġġeġ għall-kundizzjonijiet tax-xogħol fejn l-artisti u l-prattikanti kulturali u kreattivi jistgħu joħolqu l-ideat tagħhom u jirnexxu fl-aspirazzjonijiet tagħhom.
Il-ministru kompla jispjega li l-Karta Nazzjonali ġiet ippreċeduta minn proċess ta’ konsultazzjoni pubblika bir-reqqa u tipprovdi qafas dinamiku ta’ referenza għal kwalunkwe leġiżlazzjoni, politika, jew inizjattiva li direttament jew indirettament taffettwa lill-artisti u s-setturi kulturali u kreattivi, u tiżgura li kull azzjoni tkun allinjata mal-viżjoni fit-tul biex jitjieb l-istatus tal-artisti f’Malta.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal
“Dan is-simpożju huwa importanti ferm għaliex jippermettilna li nrawmu kollaborazzjoni intersettorjali u konsultazzjoni mal-artisti u l-prattikanti kreattivi miġmugħa taħt il-kappa tal-Kunsill Malti għall-Arti. Il-konsultazzjoni u d-djalogu sinifikanti mal-partijiet interessati kollha huwa essenzjali biex niżguraw li l-politika u l-approċċ tagħna jkunu ffurmati minn dawk involuti direttament, u forsi anki dawk involuti indirettament, fis-setturi kreattivi.”
Is-Sur Marshall kompla li dak li seħħ illum, bħala parti minn dan is-Simpożju, hu riżultat dirett ta’ dan l-approċċ fejn il-Kunsill qed iniedi l-Karta Nazzjonali għall-Istatus tal-Artist wara konsultazzjoni wiesgħa mal-pubbliku u ma’ diversi partijiet ikkonċernati.
Għal aktar informazzjoni żur www.artscouncilmalta.mt.