L-Olanda se jerġgħu jkunu fost il-parteċipanti tal-Eurovision li se jsir f’Basel l-Iżvizzera, iżda l-kantant esoberanti u l-favorit tal-edizzjoni li għaddiet Joost Klein, li kien ġie skwalifikat mill-kompetizzjoni wara inċident li nqala’ wara l-kwinti, irrifjuta li jirrappreżenta lill-pajjiżu.
L-istazzjon Olandiż AVROTROS ħabbar li kien sodisfatt bir-regoli l-ġodda mifthema ma’ l-organizzaturi l-EBU li kienu ġew mitluba wara li l-edizzjoni ta’ din is-sena fl-Iżvezja kienet ġiet imtebbgħa bit-tkeċċija ta’ Klein li AVROTROS qalu kienet deċiżjoni esaġerata.
Is-sena d-dieħla, l-edizzjoni f’Basel se jkollha ferm anqas iffilmjar minn wara l-kwinti, bniedem li jieħu ħsieb is-sigurtà kif ukoll post sigur għall-parteċipanti.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena, membru mit-tim tal-produzzjoni akkużat lil Klein li waqt is-semi finali kien heddida. Dan l-episodju spiċċa għand l-Awtorità Svediża tal-Prosekuzzjoni li konsegwentament irrifjutaw li jipproċedu.
Hekk kif ħarġet l-aħbar li l-investigazzjoni kienet twaqqfet minħabba nuqqas ta’ evidenza, Klein tefa’ messaġġ fuq Instagram li kien jgħid “mhemmx kas kontrija, għax qatt ma kien hemm kas”
Il-messaġġ kompla , “kulħadd għandu jieħu ħsieb xulxin, ilkoll nappoġġjaw lil xulxin u lkoll ningħaqdu flimkien. Il-kumpaniji jridu biss jipproteġu flushom u ppruvaw jużawni bħala tarka. Raħal kontra belt…Aqta xiex? L-IMĦABBA DEJJEM TIRBAĦ. AFDA FIL-PROĊESS!!!!GĦALKEMM KONT TLIFT KULL TAMA.”
Huwa kkonkluda: “WE BACK NOW BABY!!!ALBUM MODE!!!!!” filwaqt li uża l-hashtag Eurovision 2025 fuq il-mezzi soċjali tiegħu u ġiegħel lil ħafna jispekulaw li forsi kien se jerġa jipparteċipa fid-69 edizzjoni s-sena d-dieħla. Iżda huwa qal li, filwaqt li hu u t-tim kienu lesti, ma kienx qed iħossu tajjeb u għad irid jieħu aktar żmien biex jirkupra minn dak li ġara waqt l-aħħar edizzjoni.
AVROTROS issa qed ifittxu rappreżentant Olandiż ġdid fejn dawk interessati għandhom ċans sat-22 ta’ Novembru biex japplikaw.