Żewġ Taljani ġew arrestati tard it-Tlieta bil-lejl wara li fil-pussess tagħhom instabu mal-erba’ kilogrammi sustanza suspettata droga kokaina, bil-valur fis-suq tlaħħaq madwar €500,000.
Iż-żewġ persuni, mara ta’ 46 sena u ġuvni ta’ 18-il sena, kienu f’Mercedes misjuqa mill-mara. Huma twaqqfu ftit wara li waslu Malta bil-katamaran minn Sqallija fuq suspett ta’ traffikar u importazzjoni tad-droga mill-Italja.
Minħabba f’hekk, il-karozza ttieħdet fil-garaxx tal-Pulizija u minn tfittxijiet li saru, f’kompartament falz f’qiegħ il-vettura nstabu erba’ pakketti bid-droga li kienu jiżnu madwar kilo kull pakkett, kif ukoll €1,000 fi flus kontanti.
Membri mid-Dipartiment tad-Dwana assistew lill-Pulizija waqt din l-operazzjoni.
Iż-żewġ persuni qegħdin jinżammu arrestati fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana u mistennija jitressqu l-Qorti llum, għal xi s-sagħtejn ta’ waranofsinhar quddiem il-Maġistrat Dr Monica Vella.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin