Illejla l-Gvern, bl-aktar mod trasparenti, mar quddiem il-Kumitat dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp fejn iddiskuta l-oġġettivi li huma miftuħa għal konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni parzjali ta’ Pjani Lokali.
Maqbuda f’konfużjoni, l-Oppożizzjoni kellha tirtira l-mozzjoni oriġinali u kien il-Ministru responsabbli mill-Ippjanar li wera d-disponibbiltà mmedjata tiegħu f’ġieħ it-trasparenza u b’hekk illejla stess deher quddiem il-Kumitat Parlamentari biex jispjega l-oġġettivi. L-istess oġġettivi li l-Oppożizzjoni ddikjarat li ma tistax ma taqbilx magħhom.
Hawn il-Ministru Clint Camilleri, waqt li wieġeb għall-mistoqsijiet kollha, spjega li l-ħsieb wara l-bidla fil-Pjani Lokali taż-żona ta’ Villa Rosa, f’San Ġiljan, hu li l-proġett propost jagħti lura lill-komunità aktar spazji miftuħa u ppjanar aħjar fl-urban.
Fl-istess intervent, il-Ministru għamel dikjarazzjonijiet dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni, fejn qal li Bernard Grech iltaqa’ mal-iżviluppatur tal-proġett ta’ Villa Rosa u laqa’ t-tibdil propost fil-Pjani Lokali. Anzi ngħad li Grech mhux biss faħħar il-proġett u tah il-barka tiegħu, iżda saħansitra qal lill-iżviluppatur li qed iħares ’il quddiem biex jinawgurah hu bħala Prim Ministru wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Ma saret l-ebda ċaħda kategorika mill-Oppożizzjoni dwar dan.
Tassew konferma li tixhed kif l-Oppożizzjoni hi mhedija biss biex tinħeba wara subgħajha.