Kelliem għall-Oppożizzjoni ma kienx kapaċi jagħti deċiżjoni dwar jekk, bħala Partit Nazzjonalista, kinux jftħu l-istaġun tal-insib kieku huma kienu fil-Gvern.
Ikkonferma dan id-Deputat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo tas-6pm fid-dawl li, il-Ħadd li għadda, il-Gvern ħabbar li l-istaġun tal-insib għall-malvizz fetaħ il-Ħadd li għadda, waqt li għall-pluvieri se jiftaħ mill-1 ta’ Novembru sal-10 ta’ Jannar li ġej.
Dan filwaqt li nfetaħ ukoll l-istaġun għar-riċerka, fuq seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana, b’rispett lejn id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Ivan J. Bartolo, li ħa sehem fil-preżentazzjoni tal-istħarriġ ta’ Ernst & Young minflok il-Kap Nazzjonalista li kien indispost, baqa’ ma tana l-ebda risposta meta ġie mistoqsi l-Erbgħa filgħodu dwar x’kienet tkun id-deċiżjoni tal-Partit Nazzjonalista f’dan ir-rigward.
Qal, “M’iniex kapaċi nagħtik deċiżjoni.”
Din mhijiex l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista ħasel idejh mir-responsabbiltà dwar il-kaċċa u l-insib f’pajjiżna.
Dan hekk kif, sa minn żmien il-Gvern ta’ Eddie Fenech Adami u n-negozjati dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea, id-dilettanti Maltin ġew ingannati b’biżibilju ta’ wegħdi fiergħa dwar l-istess prattiċi tradizzjonali.
Madankollu, l-insib twaqqaf ħesrem fl-2008 u kellhom ikunu Gvernijiet Laburisti wara l-2013 li jerġgħu jroddu lura dan id-delizzju lil eluf ta’ prattikanti Maltin u Għawdxin.
Issa d-Deputat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo ħarab mis-suġġett u bagħatna għand ħaddieħor, għax hu ma kienx jaf jirrispondi.
Hu ġie mistoqsi mill-ġurnalista, “Bħala Partit taħseb li kontu tiftħuh dan l-istaġun?”
Bartolo rrisponda, “Hemm min hu inkarigat u nieħu pjaċir jekk tistaqsu lilhom iżjed milli lili.”