- Ma jsirux konferenzi tal-aħbarijiet
Għaddew ġimagħtejn minn meta faqqa’ l-iskandlu skema Pagi PN u ebda deputat Nazzjonalista ma kien komdu jagħmel konferenza tal-aħbarijiet. Il-ġurnalisti jixhdu kif il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni mmexxi minn Simon Busuttil, huwa magħruf għal numru ta’ konferenzi tal-aħbarijiet li jagħmel fuq kull suġġett u b’mod ripetittiv.
Iżda, minn meta faqqa’ l-iskandlu PAGI PN ma saritx konferenza tal-aħbarijiet waħda minn shadow minister tal-Partit Nazzjonalista.
Mill-ħamsa ta’ Marzu issa għaddew ġimagħtejn u ttieħdet id-deċiżjoni interna li sakemm joqogħdu l-ilmijiet ma kellhomx isiru attivitajiet fejn ikun hemm kuntatt dirett mal-ġurnalisti. Iżda, din ma kinetx biss deċiżjoni tal-uffiċċju tal-komunikazzjoni li anke lil Busuttil qallu biex joqgħod ftit lura.
Imkejjen fil-Partit Nazzjonalista qalu li deputati ewlenin bagħtu l-messaġġ li ma kinux komdi jiffaċċjaw lill-ġurnalisti għax ma jafu xejn fuq l-iskema li ħoloq Simon Busuttil ftit wara li sar Kap. Dik li permezz tagħha negozjanti kienu qed iħallsu s-salarji ta’ uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista. Il-messaġġ kien li fil-ftit li deher anke l-Kap inqabad f ’għadd kbir ta’ kontradizzjonijiet u dan meta hu l-iktar wieħed li kien jaf dwar l-iskema għax ħoloqha hu.
Fil-fatt meta kien hemm il-programm tat-televiżjoni u l-Partit Nazzjonalista bilfors kellu jibgħat lil xi ħadd ukoll kien hemm min ħasel idu. Saħansitra, Alex Perici Calascione, t-teżorier tal-lum qal li ma kien jaf b’xejn u Chris Said qal li hu qatt ma ħa pagi minn dawn id-donazzjonijiet. Anke l-Viċi Kap Mario De Marco kien ċar li skema bħal din, li Busuttil qal mat-Times of Malta li m’hemmx oħra bħalha, ma kienx jaf biha.
Skont hu għax m’għandux x’jaqsam mal-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista. Fl-aħħar jiem Busuttil għamel bħad-deputati tiegħu u hu wkoll mar jagħmel l-attivitajiet mingħajr midja fosthom meta żar il-Belt mingħajr ġurnalisti