L-ewro kompliet tnaqqas fil-valur tagħha meta mqabbel ma’ muniti ewlenin oħra wara li l-Fond Internazzjonali Monetarju (IMF) qed ibassar tkabbir ekonomiku anqas taż-żona ewro għall-kuntrarju ta’ dak li qed jiġri f’pajjiżna u li ġie rrappurtat ftit tal-ġranet ilu fejn l-ekonomija Maltija qiegħda dejjem tissaħħaħ.
Fl-aħħar xahar, l-ewro niżlet aktar minn 3% meta kkumparata mad-dollaru Amerikan hekk kif kienet ikkwotata 1.08 li hu lanqas livell irreġistrat mit-2 t’Awwissu.
L-ewro naqqset ukoll kontra l-lira sterlina, il-frank Żvizzeru u d-dollaru Awstraljan matul l-istess perjodu.
Inflazzjoni anqas minn dik mistennija, id-dgħjufija kontinwa fl-ekonomija u l-inċertezzi politiċi kollha kkontribew għal dan it-tnaqqis. Barra minn hekk l-elezzjoni iminenti fl-Istati Uniti ukoll tilgħab fattur importanti fiċ-ċaqlil tal-valutazzjoni fis-suq monetarju.