Fil-jum qabel jintemm il-Kampjonat Ewropew tas-Snooker tat-timijiet tal-irġiel f’Albufiera, l-Portugal it-tim Malta 1 baqa’ jikkwalifika biex issa Aaron Busuttil u Chris Peplow huma l-finalisti ta’ din l-edizzjoni.
Aktar kmieni filgħodu t-tliet timijiet Maltin lagħbu fil-kwarti finali iżda ż-żewġ timijiet l-oħra temmew l-avventura f’din il-fażi. Malta 3 ta’ Joseph Casha u Philip Ciantar, tilfu 3-0, kontra Ukranja 1 (Denys Khmelevskyi/Iulian Boiko) li ser ikunu l-finalisti l-oħra kontra t-tim Malti li għamilha għal finali filwaqt li Alex Borg u ibnu Isaac Borg li ġarrew l-isem ta’ Malta 2 ġew megħluba minn Franza 2 (Fabian Monnin/Brian Ochoiski) li b’din il-kwalifikażżjoni saru l-avversarji ta’ Malta 1 waqt is-semi finali.
Fil-kwarti finali l-oħra Aaron Busuttil u Chris Peplow (Malta 1) rebħu kontra t-tim l-Awstrijak iffurmat minn Florian Nüßle u Paul Schopf bil-punteġġ ta’ 3-1 u fis-semi finali kontra Franza 2 ta’ Fabian Monnin u Brian Ochoiski, l-Maltin kisbu rebħa ta’ 3-0, bil-punteġġi tal-frames ikunu 66-24, 60-51 u 68-47.
Il-finali tal-Erbgħa ser tkun l-aħjar minn ħames frames u tibda f’nofs in-nhar (ħin ta’ Malta). Malta 1 għat-tieni darba waqt dan il-kampjonat ser jaffrontaw lil Ukranja 1 magħmul minn Denys Khmelevskyi u Iulian Boiko. Waqt il-fażi tal-gruppi ż-żewġ timijiet kienu flimkien fi Grupp E u Malta kienet rebħet il-logħba tal-gruppi li nlagħbet it-Tnejn li għadda.
Fil-passat Malta rebħet il-Kampjonat Ewropew fil-kategorija tat-timijiet tal-irġiel f’ħames okkazzjonijiet, għalkemm illum għandhu format differenti. Malta kisbet l-ewwel suċċess fil-Latvja, fl-2004, meta f’dak il-perjodu kienu jipparteċipaw tliet players. F’dik is-sena, t-tim rebbieħ kien iffurmat minn Alex Borg, Simon Zammit u Duncan Bezzina. Sena wara f’pajjiżna Alex Borg u Simon Zammit flimkien mal-mikbi Ġużi Grech reġa rebħu l-istess unur filwaqt li fit-tliet suċċessi l-oħra l-parteċipazzjoni kienet ta’ żewġ players. Fl-2014, Alex Borg u Duncan Bezzina rebħu fir-Rumanija u fl-2016, Alex Borg flimkien ma Brian Cini rebħu l-edizzjoni li saret il-Litwanja. L-aħħar darba li Malta kisbet dan l-unur kien fis-Serbja, fl-2019, meta dak in-nhar il-players rebbieħa kienu Tony Drago u Duncan Bezzina.