“Irridu li l-ġustizzja ssir illum u mhux snin wara.” Dan kien il-messaġġ li għadda l-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, waqt sessjoni ta’ informazzjoni mal-ġurnalisti, ftit ħin qabel mal-Parlament beda jiddiskuti fi stadju tat-Tieni Qari l-emendi fil-Qorti tad-Droga, li wkoll ġew imfaħħrin fl-aħħar jiem mill-Caritas Malta.
Dr Attard sostna li l-ġustizzja għandha tkun aktar effettiva mal-veri vittmi tad-droga. Dan hekk kif din ir-riforma mhi se ċċaqlaq xejn mill-pieni ħorox li hemm bħalissa kontra t-traffikanti tad-droga, bil-piena massima għal dan ir-reat se tibqa’ dik ta’ għomor il-ħabs.
“Wara l-konsultazzjoni pubblika, poġġejna madwar il-mejda mal-istakholders ewlenin fis-settur biex nassiguraw, partikolarment dak li għandu x’jaqsam mal-proċess rijabilitattiv li nkomplu nsaħħu, dak li qed jiġi propost biex nassiguraw li dawk il-persuni li huma vittmi tad-droga jingħataw kull opportunità li jirriabilitaw rwieħhom.”
Intqal li l-ammonti fl-iskedi bl-ebda mod ma jitqiesu li huma għall-użu personali, bl-istess mod kif ma jiġux meqjusa hekk l-ammonti stabbiliti fil-liġi, li diġà hemm fis-seħħ.
Dawn l-emendi jipproponu l-possibilità li proċessi f’każi bħal dawn isiru fil-Qorti Kriminali mingħajr ġurati. Bl-unika esklużjoni tkun dik li tittratta t-traffikar tad-droga, fejn se tkun ħa tingħata sentenza ta’ għomor il-ħabs. Intqal li bħalissa dawn il-każi qed imorru quddiem il-Qorti tal-Maġistrati jew ġuri, fejn qed jingħataw l-istess sentenzi.
Il-Ministru sostna dwar il-miżinformazzjoni mill-Partit Nazzjonalista li, fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem Karol Aquilina, intqal bl-aktar mod irresponsabbli li min jinqabad b’arma tan-nar, nar jew splussiv fit-twettiq tar-reat jista’ jitqies bħala vittma u jitressaq quddiem Qorti tad-Droga.
“Totalment miżinformazzjoni, għax il-liġi, li ppreżenta l-Gvern, teskludi din il-possibilità. Altru milli qed toħloq sitwazzjoni fejn reati li jkunu twettqu b’arma tan-nar, bin-nar jew splussiv, jikkwalifikaw fil-Qorti tad-Droga u, għaldaqstant, tixhed l-irresponsabilità tal-Partit Nazzjonalista li jibqa’ jippersisti bil-gideb u bil-miżinformazzjoni dwar dan is-settur.”
Dwar dan irreaġixxa wkoll il-Partit Laburista, fejn intqal li l-Partit Nazzjonalista qed jipprova jagħti impressjoni qarrieqa li l-Ministru għall-Ġustizzja issa jrid li dawn l-ammonti jistgħu jinbidlu minnu stess b’sempliċi avviż legali minflok b’liġi. Dan għaliex l-iskedi fil-liġi attwali diġà jipprovdu din is-setgħa, iżda l-Gvern b’responsabilità, flok qabad u biddel il-liġi b’avviż legali, għamel konsultazzjoni pubblika u ressaq abbozz ta’ liġi.
Intqal li hu ċar li l-Kap tal-Oppożizzjoni, li matul il-konsultazzjoni pubblika ħareġ jgħid li r-riforma għandha tkun irtirata, qiegħed jara ma’ xiex se jaqbad biex jiġġustifika l-pożizzjoni li ħa hu stess, billi jkompli jxerred il-fake news.
Sadanittant, preżenti għal din is-sessjoni ta’ informazzjoni kien hemm il-Whip tal-Gvern Naomi Cachia. Hi sostniet kif dan hu s-sitt abbozz li jinsab fit-Tieni Qari, wara l-ftuħ tal-Parlament, aktar kmieni dan ix-xahar.
Aqra wkoll: