L-aġenzija Infrastructure Malta ċċarat li, xahar ilu, il-Kap Eżekuttiv Steve Ellul u tim tekniku tagħha kienu ltaqgħu mal-Kunsill Lokali tal-Imsida fejn iddiskutew il-proġett tal-Imsida Creek fit-totalità tiegħu.
B’referenza għal stqarrija oħra mill-Kunsill Nazzjonalista kontra l-proġett, li se jittrasforma ż-żona tal-knisja kompletament, l-entità governattiva qalet li l-pjanti tal-proġett, approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar, ġew emendati anke wara s-suġġerimenti tal-istess kunsill tul is-snin.
Minbarra hekk, fit-12 t’Ottubru tal-2023, meta l-proġett tressaq għall-approvazzjoni tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Kunsill Lokali vvota favurih.
Infrastructure Malta qalet li, wara snin ta’ konsultazzjonijiet u ppjanar, il-proġett, li 60% tiegħu se jkunu ddedikati għal spazji pubbliċi u ambjent pjaċevoli, se jibda jiġi attwat mill-ewwel jiem ta’ Novembru.