Tifel Palestinjan ta’ 3 snin inqatel meta pakkett ta’ għajnuna umanitarja mitfugħ minn ajruplan fil-belt tan-Nofsinhar ta’ Gaza Khan Younis nhar is-Sibt li għadda, niżel fuqu.
Il-familja kienu qed jieklu l-kolazzjon ta’ filgħodu meta pakketti kbar intefgħu mill-ajruplani li niżlu fejn kienu huma bil-konsegwenza li intlaqat it-tifel li miet mill-ewwel. Iz-zija u l-kuġin tat-tifel sfaw ukoll bi ġrieħi f’wiċċhom u sieqhom hekk kif ppruvaw jistkennu fil-kampijiet improvizzati tagħhom.
Numru ta’ pajjiżi , fosthom l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Ġordan u l-Emirati Għarab Maqgħuda, qed jibgħatu provisti ta’ għajnuna f’Gaza li jintefgħu mill-ajru.
Ir-restrizzjonijiet imposti minn Iżrael illimitaw l-ammont ta’ għajnuna li tiddaħħal fl-istrippa ta’ Gaza u għalhekk il-popolazzjoni li tammonta għal aktar minn 2.2 miljun persuna qed ibatu l-ġuħ. Kien għalhekk li l-pakketti tal-ikel u għajnuna oħra qed tintefa’ mill-ajru iżda aġenziji tad-drittijiet umani qed jisħqu li dan mhuwiex mod effiċjenti u dinjituż biex titwassal l-għajnuna lill-Palestinjani f’Gaza u li għandhom dritt għal ħafna aktar minn sempliċiment karita li tinżel mis-sema.