Il-kumpanija 4teenth Productions, li hi aktar assoċjata mal-prestazzjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, se żżomm l-appuntament annwali tagħha għall-Halloween, permezz ta’ walkthrough fix-xelter storiku tat-Tieni Gwerra Dinjija f’Ħal Qormi, din id-darba b’attività li ngħatat l-isem ta’ ‘Avukat Infernali’.
Din il-produzzjoni, li għandha kitba ta’ Marianna Calleja u direzzjoni ta’ Alan Attard, se tkun qed tara x-xelter jinbidel f’bieb li jagħti għal vjaġġ sinistru, imma umoristiku, lejn il-kurituri tal-infern, filwaqt li tlaqqa’ lill-udjenza ma’ uċuh familjari ta’ politikanti, dittaturi u anke xi karattri tat-televiżjoni.
Hawn l-udjenza mhux biss tara x’sar minnhom, imma wkoll kif qed iqattgħu il-ħin tagħhom fl-infern.
B’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi u l-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri, din l-esperjenza immersiva ta’ 20 minuta se ssir nhar il-Ħamis 31 t’Ottubru u l-Ġimgħa l-1 ta’ Novembru bejn is-7:00 p.m. u l-10:00 p.m., bi prestazzjonijiet kull nofs siegħa.
Il-pubbliku hu mħeġġeġ jirriserva post b’messaġġ fuq il-midja soċjali, imejl fuq pr.4teenth@gmail.com jew bit-telefown fuq 79093503.