Rapporti fil-midja internazzjonali, li żvelaw abbozz tal-pjani tal-Unjoni Ewropea li tkompli tqaċċat mill-baġit li jmiss tagħha, din id-darba fl-oqsma tas-saħħa, qajmu tħassib kbir.
L-aħbar żvelata minn Euronews tindika li l-Kummissjoni Ewropea għandha l-ħsieb li tinkorpora l-fondi allokati għas-servizzi tas-saħħa ma’ fondi oħra jew agħar minn hekk jisparixxi għal kollox, bħala parti mill-pjani tagħha meta tippreżenta l-baġit għas-seba’ snin li ġejjin f’Ġunju.
Dokument, li wasal f’idejn il-midja internazzjonali, il-proposti jinkludu li parti sew mill-flus allokati għas-saħħa jistgħu jiġu amalgamati ma’ setturi oħrajn, bħal dawk ta’ riċerka, diġitali u tal-ispazju, bil-konsegwenza li titnaqqas l-allokazzjoni.
Fil-bidu ta’ dan ix-xahar ukoll kienu żvelati pjani ta’ tnaqqis finanzjarju mill-Unjoni Ewropea għall-edukazzjoni, inkluż fi programmi bħal ‘Erasmus+’, li minnu attwalment igawdu mal-miljun student fl-Unjoni Ewropea kollha, inklużi Maltin.