L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Peter Agius li, aktar kmieni dan ix-xahar instab mill-Uffiċċju ta’ Kontra l-Frodi tal-Unjoni Ewropea li kien ivvinta minn żniedu li kien hemm xi abbuż minn fondi Ewropej, din il-ġimgħa beda jiffaċċja kawża ta’ libell mill-persuna li spiċċa vittma tal-gideb tiegħu.
Kurt Buhagiar, bidwi li bena razzett tan-nagħaġ f’Għajn Riħana, fil-limiti tal-Mosta bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej, akkuża lir-rappreżentant Nazzjonalista b’malafama wara li ripetutament għamel ħafna teatrini biex jikseb ftit punti politiċi qabel l-aħħar Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, li fiha eventwalment spiċċa jiġi elett.
Il-kawża hi bbażata fuq id-dikjarazzjonijiet foloz li għamel Agius fuq diversi ġimgħat fejn allega li Buhagiar uża b’qerq mat-€360,000 f’fondi mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali biex, flok razzett, jibni villa. Xi ħaġa li l-OLAF sab li mhux veru.
Fil-kawża tiegħu, fejn qed jitlob għal kumpens għad-danni morali u reali skont il-Liġi, Buhagiar jargumenta li l-allegazzjonijiet ta’ Agius ikkawżaw ħsara sinifikanti fir-reputazzjoni u fixklu l-operat tan-negozju tiegħu.