Mill-inqas erba’ persuni nqatlu, inkluż tifel, u 32 oħra sfaw feruti f’attakk mhux mistenni ħdejn l-akbar sptar pubbliku fil-Libanu.
L-akkwata tal-attakk ma kinitx inkluża fin-notifiki ta’ evakwazzjoni maħruġa mill-militar Iżraeljan. Minn naħa tagħhom Iżrael iddikjaraw li kienu laqtu faċilità tal-Hezbollah li kienet tinsab qrib l-isptar u li l-isptar universitarju Rafik Hariri ma kienx fil-mira tagħhom.
Sadanittant dalgħodu l-militar Iżraeljan qal li madwar ħmistax-il rokit ġew sparati lejn it-Tramuntana u ċ-ċentru ta’ Iżrael mil-Libanu b’uħud minnhom jiġu interċettati u oħrajn jinżlu fi spazji miftuħa.
Il-Hezbollah qalu li fil-mira kienet lokazzjoni barra Tel Aviv u l-bażi militari Glilot fiċ-ċentru ta’ Iżrael li fiha tinsab unità tal-intelliġenza militari. Il-grupp qal ukoll li kien attakka bażi navali ħdejn Haifa.
Il-militar Iżraeljan iddikjara li ma jidhirx li dawn l-attakki għamlu xi ħsara jew ħallew vittmi.