Rispett sħiħ lejn kull uffiċjal tal-Pulizija. Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru waqt li ssokta d-dibattitu Parlamentari dwar emendi li se jħarrxu l-pieni marbutin ma’ vjolenza fuq uffiċjali pubbliċi.
Il-Prim Ministru fakkar fir-riformi li qed igawdu minnhom l-uffiċjali tal-Pulizija, bħad-dritt għall-assoċjazzjoni ma’ unjin u d-dritt tal-ħlas tas-sahra, li kien ittieħed taħt Gvernijiet Nazzjonalisti.
Dr Abela nnota l-mod li bih amministrazzjonijiet preċedenti kienu jittrattaw lill-korpi dixxiplinati kollha, fejn anke semma d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li ma kienx igawdi minn investiment għajr xiri ta’ makkinarju u uniformijiet użati.
Filwaqt li sellem il-ħidma ta’ kull uffiċjal fi ħdan il-korpi dixxiplinati, il-Prim Ministru tenna li dawn l-emendi diskussi fil-Parlament mhumiex xi azzjoni ta’ konvenjenza, imma xhieda tal-mod proattiv li jaħdem bih il-Gvern biex jirrispondi għall-ħtiġijiet tal-ġurnata.
Dr Abela spjega kif l-emendi proposti jwasslu għal multi miżjuda u priġunerija effettiva. Hawn tenna l-importanza li f’dawn l-emendi tneħħiet il-possibbiltà li l-imputat jingħata sentenza ta’ ħabs sospiża. Hu stqarr kif se titħalla biss il-possibbiltà ta’ probation f’każi minuri speċifiċi.
Dr Abela indirizza d-diskors li dawn l-emendi huma reattivi għal episodji fl-aħħar ġimgħat, hekk kif tenna li dawn l-emendi jgħaddu messaġġ ċar.
“Dawn l-emendi żewġ messaġġi ċari. L-ewwelnett hands-off mill-Pulizija, jiġifieri l-Pulizija ta’ pajjiżna qed iwettqu xogħol mill-aktar iddedikat, xogħol li jirrikjedi element ta’ dixxiplina u sagrifiċċju personali, għax qed jipproteġu lil kull wieħed u waħda minnha. Mela hemmhekk qed nesiġu li jkun rispett sħiħ lejn kull membru tal-Pulizija fit-twettiq ta’ dmirijietu.”
Dr Abela stqarr ukoll kif dawn l-emendi jwasslu messaġġ ta’ rispett lejn is-soċjetà.
Minbarra hekk, il-Prim Ministru sostna kif, f’każ li wieħed iħoss li l-uffiċjal pubbliku m’għandux raġun, għandu kull rimedju bil-liġi biex jagħmel il-każ tiegħu.
Il-Prim Ministru kkuntrasta r-rieda politika tal-Gvern Laburista mal-aġir tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li ta’ sikwit tattakka lill-Kummissarju tal-Pulizija.
“L-Oppożizzjoni sa ftit tal-jiem ilu terġa’ toħroġ b’attakk li hu fattwalment falz fuq il-Kummissarju tal-Pulizija li qalu li dan qabad u żied is-salarju tiegħu bid-doppju. Dik l-ewwelnett, fattwalment kienet pożizzjoni falza tal-Oppożizzjoni, għax mhix minnha, imma li kull membru tal-Korp tal-Pulizija minn isfel sal-ogħla ranks ibbenefika minn żieda fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu taħt dan il-Gvern, dik iva.”
Minbarra hekk, fil-Parlament Dr Abela wera l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista u sħabhom dwar il-forzi tal-ordni, bħalma kien il-każ tal-kwerela li fetħu kontra membri tal-Forzi Armati dwar operazzjoni li wettqu fl-2020, fejn anke wara li ma ngħatawx raġun mill-ewwel Qorti, għadhom jinsistu fuqu issa anke fl-appell.
Kien hawn li l-Prim Ministru appella lill-Oppożizzjoni biex tikkonverġi mal-Gvern u tappoġġja dawn l-emendi quddiem il-Parlament ħalli jkompli jintbagħat messaġġ ta’ appoġġ lejn dawk kollha li jaħdmu fil-qasam taż-żamma tal-ordni f’pajjiżna.
“Għalhekk dan l-appell mill-ġdid, Sur President, biex nieħdu din l-okkażjoni tal-lum biex fuq temi li tant huma importanti – qed nitħaddtu fuq iż-żamma tas-sigurtà pubblika u fuq il-forzi dixxiplinati ta’ dan il-pajjiż – nibdew nibgħatu messaġġ li hu wieħed ċar ta’ protezzjoni u rispett sħiħ lil kull membru tal-korp li nerġa’ nieħu din l-okkażjoni biex minn qalbi nirringrazzjahom tal-ħidma sfieqa tagħhom favur is-soċjetà tagħna. Grazzi Sur President.”
Segwi d-diskors sħiħ: