Il-General Workers’ Union ippreżentat il-proposti tagħha fid-dokument ta’ qabel il-Baġit. Miżuri li, flimkien, jorbtu l-mira ewlenija ta’ viżjoni u pjan nazzjonali għall-pajjiż li twassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar.
Viżjoni ħolistika mibnija fuq ix-xogħol, il-governanza t-tajba, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-ambjent, is-soċjal u l-infrastruttura, fost oħrajn.
Dawn id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja.
Qal, “Huma katina ta’ proposti li, imbagħad, iwasslu għall-proposta prinċipali dik tal-viżjoni fejn irridu nwasslu lil Malta tagħna. Ovvjament naqbdu faxex tas-soċjetà tagħna li huma l-aktar vulnerabbli, li naraw li jkunu sostnuti biex ikollhom ħajja aktar dinjituża. Malta mxiet ħafna ’l quddiem f’dawn l-aħħar snin u s-soċjetà tagħna wkoll. Issa jeħtieġ li nagħmlu dik il-viżjoni biex nagħmlu qabża oħra ta’ kwalità fil-ħajja li ngħixu aħna u fil-postijiet tax-xogħol tagħna.”
Fid-dokument tagħha, l-unjin issostni kif l-ekonomija lokali hi reżiljenti bi tkabbir proġettat ta’ 4.3% fl-2025. Issemma wkoll kif id-defiċit tal-Gvern mistenni jonqos għal 3.9% tal-Prodott Gross Domestiku sas-sens d-dieħla wkoll.
Il-GWU appoġġjat it-tkomplija tas-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija u anke l-iskema ‘Stabbiltà’ li naqqset b’suċċess il-prezzijiet tal-ikel.
Proposta ewlenija hi s-sħubija awtomatika tal-ħaddiema fi trejdunjin tal-għażla tagħhom, b’Bugeja jtenni li din il-miżura hi l-pass li jmiss għal titjib fil-kwalità tal-impjiegi.
Qal, “Fi trejdunjin tal-għażla tagħhom il-ħaddiema nitkellmu fuqha għal diversi raġunijiet, għall-abbużi, għall-isfruttament, biex il-kundizzjonijiet jitjiebu. Illum il-ġurnata l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi li l-collective bargaining hu l-punt ewlieni li jtejjeb il-kundizzjonijiet u l-pagi tax-xogħol. U aħna qed nibnu fuq dan kollu biex naqtgħu l-abbużi, naqtgħu l-isfruttament u nelevaw il-kundizzjonijiet u l-pagi tal-ħaddiema.”
Proposti oħrajn jinkludu ż-żieda fil-pensjonijiet, bil-General Workers’ Union tipproponi żieda kemm fil-pensjonijiet kontributorji kif ukoll f’dawn li mhumiex biex jiġu appoġġjati l-pensjonanti.