Il-prezzijiet tal-metalli prezzjużi, partikolarment dawk tad-deheb u l-fidda, żdiedu għal ċifri rekord, żieda attribwita għall-biża’ marbuta mal-konflitti fil-Lvant Nofsani, l-inċertezzi fl-elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti u l-fatt li l-Banek Ċentrali bdew inaqqsu r-rati ta’ interessi.
Waqt li d-deheb, fl-aħħar ġimgħa, żdied bi kważi €94 kull uqijja jew 28 gramma, u l-fidda bi kważi €3, analisti jbassru li se jkomplu jiżdiedu.
It-Tnejn, il-People’s Bank of China baxxa r-rati tal-ipoteki aktar milli kien mistenni fi sforz biex tingħata spinta lill-ekonomija, bil-konsegwenza li għolew il-prezzjijiet tal-komoditajiet, inklużi d-deheb u l-fidda.
Is-swieq finanzjarji qegħdin isegwu mill-qrib il-potenzjal ta’ eskalazzjoni akbar fil-konflitt bejn Iżrael u l-Hezbollah, filwaqt li t-tiġrija għall-presidenza fl-Istati Uniti qed tiġi rrapportata bħala waħda mill-aktar indeċiżi fl-istorja, u rebħa għal Trump tista’ toħloq iżjed inċertezzi fl-ekonomija globali.
Madankollu rebħa minn Trump tista’ wkoll tirriżulta fit-tisħiħ tad-dollaru u b’hekk tillimita l-prezz tad-deheb.