Fl-ewwel jiem ta’ Novembru se jibdew ix-xogħlijiet fuq il-proġett massiċċ u tant bżonnjuż, tal-Msida Creek u mistenni jitlesta fis-sena 2027.
60% ta’ dan il-proġett se jkun spazju miftuħ u aħdar, daqs tliet grawnds tal-futbol u se jinkludi pjazza li hija kbira daqs dik ta’ San Ġorġ fil-Belt Valletta, jiġifieri elfejn metru kwadru.
Dan tħabbar mill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrustructure Malta Steve Ellul waqt sessjoni ta’ informazzjoni mal-ġurnalisti b’rabta ma’ dan il-proġett.
Din iż-żona prinċipali f’Malta jgħaddu minnha mal-50,000 karozza kuljum u għalhekk dan il-proġett żgur se jilqa’ għat-traffiku.
Ġie spjegat kif l-Msida Creek sa jara inkluż kanal ta’ 300 metru li fih se jinġabar l-ilma tax-xita u anke se jkun jista’ jintuża minn għaqdiet sportivi. Se jara wkoll kilometru u nofs ta’ żoni għaċ-ċikliżmu u mixi b’mod sigur.
Parkeġġ ġdid se jkun maqsum fuq żewġ sulati u se jkun mgħotti bil-pannelli għal enerġija nadifa.
Ta’ min jinnota kif il-kuntratturi tal-proġett huma obbligati bil-manutenzzjoni tal-proġett għal għaxar snin sħaħ, xi ħaġa li qatt ma ġrat fl-ebda proġett f’pajjiżna.