Waqt l-attività ta’ diskussjoni mtella’ mill-Partit Laburista, bit-tema, ‘Ekonomija li taħdem għan-nies’, għaddew l-interventi tagħhom diversi persuni minn setturi varji, b’opinjonijiet differenti.
L-ekonomista u espert fil-qasam ekonomiku, George Vella qal li pajjiżna rnexxielu jagħmel il-mirakli fil-qasam ekonomiku – fejn diversi istrumenti li ntużaw għamlu differenza kbira.
“Meta aħna nitfgħu rasna biex nagħmlu miraklu ekonomiku nagħmluh. Jiġifieri aħna, l-aħħar wieħed li kollha għaddejna minnu huwa l-Covid. Jekk tara kif ħareġ pajjiżna mill-Covid, ma naħsibx li tant kien hemm pajjiżi li ħarġu tajjeb daqs kemm ħriġna aħna.”
Il-President Emeritu, Marie Louise Coleiro Preca, li għal snin twal ħadmet fil-qasam soċjali, stqarret li qed tħares kif pajjiżna jist’ jimxi ‘l quddiem lejn politika bbażata aktar fuq il-wellbeing.
“Għandi tama kbira. Dan il-pajjiż kapaċi jagħmel il-mirakli. Il-Prim Ministru ilu jitkellem ħafna fuq il-wellbeing, sa anke fl-introduzzjoni. Konvinta li din se tkun il-qalba tagħna. Din ir-riflessjoni nazzjonali li qed inħoss li qed issir biex inwaddbu saqajna fejn hemm bżonn, ħalli mmorru to the next level.”
Il-Professur Angela Abela, li hija psikologa u terapista tal-familja, tkellmet dwar politika li tinċentiva lill-familji.
“Irridu ovvjament nagħtu – diġà nagħtu – imma rridu nżidu aktar flexible hours lin-nies, nagħtuhom din l-opportunità u wkoll, irridu ndaħħlu l-irġiel fiha.”
Id-Direttur tal-fondazzjoni Caritas Malta, Anthony Gatt, kellu l-istess opinjoni.
“Il-familja hija l-bażi tas-soċjetà. Nemmnu li din għadha tgħodd fid-dinja tal-lum. Allura dak kollu li jsaħħaħ il-familja, ħa jsaħħaħ lis-soċjetà, dak kollu li jhedded lill-familja, se jhedded lis-soċjetà.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, stqarr li rridu nħarsu lil hinn mis-suċċess ekonomiku, u nfasslu politika aktar soċjali.
“Pajjiżna qiegħed f’mument kruċjali, grazzi għas-suċċess li qed niksbu ekonomikament, imma ma nistgħux nibqgħu nitkellmu biss ekonomikament. Irridu nitkellmu wkoll soċjalment u fejn irridu mmorru f’dan il-pajjiż, u fejn irridu nieħdu lis-soċjetà tagħna. Kulħadd qed jikkontribwixxi u allura s-suċċess irid jinqasam ma’ kulħadd u jinfirex ma’ firxa ta’ nies.”
Il-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, Renee Laiviera, qalet li pajjiżna għandu jkollu viżjoni ta’ ugwaljanza – f’kull sens tal-kelma.
“Meta qed nitkellmu fuq ugwaljanza, qed nitkellmu fuq ugwaljanza ekonomika, ugwaljanza politika u ugwaljanza soċjali. Ħa niffoka fuq l-ugwaljanza għall-opportunitajiet ta’ xogħol tan-nisa u l-irġiel, fejn rajna li żdiedet ħafna l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.”