Il-Libjan Mohamed Ali Ahmed Elmushrati, magħruf bħala l-Lilu King, inżamm arrestat wara li dalgħodu tressaq il-Qorti mixli li sawwat lil raġel ieħor fix-xatt ta’ Tas-Sliema.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Eman Hayman qalet kif il-Lilu King ġie arrestat wara li nhar it-12 ta’ Ottubru sar rapport lill-pulizija li persuna kienet għadha kif ġiet aggredita.
L-allegat vittma kien akkumpanjat min ħabib tiegħu li qal li għaraf lill-agressur u li kien il-Lilu King.
Il-Pulizija segwiet numru ta’ filmati tas-CCTV fil-viċinanzi u kkonfermat li l-Libjan kien propju l-allegat aggressur.
L-Ispettur spjega li meta ttieħdet stqarrija tal-Lilu King fl-għassa ta’ San Ġiljan, hu saħaq li kien għamel dan, bħala att ta’ difiża wara li r-raġel l-ieħor ħadlu l-mowbajl.
Fil-Qorti l-akkużat wieġeb mhux ħati.
Id-difiża qalet kif f’dan il-każ, l-akkużat huwa hu l-vittma, għax sar serq minn fuqu.
L-spettur spjega li minkejja li hu kkawża ġrieħi ħfief, xorta kiser l-paċi pubblika u spjega ukoll li fil-konfront tal-akkużat hemm tliet każijiet separati fosthom akkużi ta’ evażjoni tat-taxxa u li jagħmel parti minn gruppi ta’ kriminalità organizzata.
L-ispettur Hayman nnota li l-akkużat ta daqqiet bħal tal-boxing u dak mhux l-mod ta’ kif wieħed jiddefendi ruħu u għalhekk m’għandux ikun kopert bil-liġi tas-‘Self defence’.
L-Ispettur kompla jargumenta li l-akkużat mhux persuna affidabli anke għax kiser diversi ordnijiet tal-qorti.
Id-difiża talbet in-nomina ta’ espert mediku biex jeżamina lill-imputat u jiddetermina jekk dan għandux xi ġrieħi hekk kif intqal li l-allegat vittma f’dan il-każ garalu bott birra.
Minkejja dan, il-maġistrat xorta żammet lil-Libjan arrestat il-ħabs.
Ritratt: TOM