Il-plejers Maltin temmew il-fażi eliminatorja tal-Kampjonati Dinjija tal-Ping Pong Parkinsons li qed isiru f’Lasko fis-Slovenja b’żewġ midalji tal-bronż meta waslu sas-semifinali ta’ dan it-turnew.
Fil-fatt, kemm Anna Tabone kif ukoll Adrian Casha waslu sal-fażi tal-aħħar erbgħa fil-kategorija tad-doubles rispettiva tagħhom għalkemm tilfu s-semifinali li lagħbu għaliha.
Adrian Casha lagħab ma’ Marjan Vitanc tas-Slovenja u tilfu kontra Kurt Bayer tal-Awstrija u Ivan Capan tal-Kroazja 3-2.
Mill-banda l-oħra, Anna Tabone lagħbet ma’ Anita Schultz tal-Ġermanja u ġew megħluba minn Tina Fischer u Daniela Beurer tal-Iżvizzera 3-1.
Il-Ġermanja rebħet l-akbar ammont ta’ midalji f’dawn il-kampjonati.
Il-kontinġent Malti kellu wkoll lil Francis Barbara u Ralph Accarino jieħdu sehem bil-kontinġent Malti li kien akkumpanjat mill-kowċ Katia Mifsud u l-fiżjoterapista Geoffrey Formosa.