Wara ħasda iniżjali, u permezz ta’ wirja mill-aqwa Birkirkara dawru telfa f’rebħa ta’ 3-2 kontra Hamrun Spartans biex komplew ikabbru l-problemi ta’ dawn tal-aħħar fi staġun mill-aktar diżappuntanti għalihom sa issa.
Nistgħu ngħidu mingħajr tlaqliq li Hamrun ħadu lezzjoni ta’ futbol mingħand Birkirkara li ħlief għall-aħħar kwarta.
Ta’ nota huwa l-fatt li dan il-konfront irrapreżenta konfront bejn żewġ aħwa – Joseph Essien Mbong għal Hamrun u Paul Mbong għal Birkirkara.
Hamrun għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u wara biss 45 sekonda rebħu penalty meta Chris Ondong twaqqa’ minn difesnur ta’ Birkirkara fil-kaxxa. Mill-11-ilmetru inkariga ruħu LUKE MONTEBELLO li ma żbaljax, b’dan ikun il-ħames goal tiegħu matul dan l-istaġun, u l-ewwel goal li sofrew Birkirkara wara xejn inqas minn sitt clean sheets konsekuttivi.
Fl-24 minuta, il-coach Taljan ta’ Hamrun Alessandro Zinnari kien kostret jaffettwa sostituzzjoni sfurzat meta weġġa’ għalihom il-player żagħżugħ Sven Xerri biex minfloku daħal jilgħab iż-żagħżugħ Mattias Ellul.
Birkarara bdew jipproduċu logħob sabiħ u f’azzjoni maħduma bizzilla u wara sensiela ta’ passes preċiżi ġabu l-iskor indas fis-36 minuta meta l-ewwel Maxuell Mai kellu xutt salvat parzjalment mill-goalkeeper internazzjonali ta’ Hamrun, Henry Bonello, biex ALEX SATARIANO kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u b’xamma kbira għall-goal tefa’ ġewwa, b’dan ikun l-ewwel goal tiegħu matul dan l-istaġun.
Fit-42 minta l-Istripes qalbu l-iskor favurihom meta Satariano b’intelliġenza għadda pass delizzjuż lejn GISLAIN YIKPE li attakka l-ispazju, għamel moviment tajjeb qabel tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka u għamel l-iskor 2 – 1 favur Birkirkara sal-intervall.
Fit-49 minuta kien imiss lill-coach ta’ Birkirkara Stefano De Angelis li jaffettwa sostituzzjoni sfutzata meta weġġa’ għalihom il-captain Alessandro Coppola, biex minfloku daħal jilgħab is-sostitut żagħażugħ Nathan Cross, bil-faxxa ta’ captain tingħata lil Alex Satariano.
U propju kien dan il-player ALEX SATARIANO li kellu partita mill-aqwa li skorja t-tielet goal għal Birkirkara meta temm azzjoni personali billi qabeż tliet players avversarji, avvanza tajjeb fil-kaxxa u permezz ta’ xutt b’saħħtu minn ġol-kaxxa ma ħafirx.
Fit-68 minuta Hamrun appellaw għall-penalty meta s-sostitut Raphael Lopes deher li allegatament twaqqa’ minn difensur avversarju, iżda r-referee Philip Farrugia ħalla l-logħob għaddej.
Birkirkara wieġbu fis-77 minuta permezz ta’ freekick tas-sositut Maicon De Souza Da Silva li għadda ftit għoli.
Hamrun naqsu l-marġi tal-iskor fid-79 minuta meta s-sostitut żagħżugħ SHAISEN ATTARD approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża ta’ Birkirkara, qabeż tajjeb difensur avversarju, u tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Birkirkara komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Philip Farrugia
Plejer tal-Logħba: Alex Satariano (Birkirkara FC)