“Metsola silenzjuża, b’aġir ipokrita u tal-mistħija.”
Kliem il-ġurnalist Yannick Pace f’artiklu ta’ opinjoni fuq is-sit Lovin Malta, dwar il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-politika tagħha, fejn fi kliemu qal li din irtirat fis-skiet.
Dan għaliex skont l-istess sit, kull meta jipprovaw jikkuntattjawha għal kumment, kull ma jsibu quddiemhom huwa bieb magħluq. U meta sa fl-aħħar jirnexxilhom jiksbu xi kumment, it-tweġiba li jirċievu, tkun vaga u bla ebda bażi.
Pace sostna li bħala l-persuna li suppost tiddeskrivi lilha nnifisha bħala dik li tiddefendi l-valuri Ewropej, ironikament is-silenzju tagħha huwa aġir ipokrita u tal-mistħija.
Fl-istess artiklu ntqal kif l-Ewroparlamentari Nazzjonalista spiss titkellem favur il-libertà tal-ġurnalisti u x-xogħol li jagħmlu, iżda fl-istess nifs baqgħet tissilet biex ma tikkundannax il-qtil ripetut ta’ ġurnalisti li qed isir mill-Forzi Iżraeljani.
Fil-fatt din mhijiex l-ewwel darba li Roberta Metsola ddefendiet “il-ġenoċidju li qed iwettaq Iżrael f’Gaza”, aġir li ġab il-kundanna ta’ ħafna.
Metsola kienet fost tal-ewwel li libset l-ilbies ta’ dawk li jmorru fil-gwerra, tippoża għar-ritratti u tappoġġja lil Iżrael. Minn hemm ’il quddiem, Iżrael mar fuq attakk aħrax li ħalla għexieren ta’ eluf vittmi mejta, inkluż trabi, tfal u nisa, waqt li oħrajn kellhom jaħarbu minn djarhom.
Pace aċċenna wkoll li hija kienet pronta timbotta għal leġiżlazzjoni anti-SLAPP iżda ma qalet xejn dwar kif artisti, ġurnalisti, u professjonisti mhux qed jitħallew jesprimu ruħhom kontra dan il-ġenoċidju.
Dan minbarra li l-preżenza tagħha fuq il-midja soċjali saret biss biex tidher għall-gwadann personali tagħha, filwaqt li l-atroċitajiet f’Gaza komplew bla waqfien, mingħajr ma ġew indirizzati, żied jgħid Pace fl-artiklu fuq Lovin Malta bit-titlu The Banality of Inaction.
Il-ġurnalist tenna li Metsola kellha l-obbligu li titkellem kontra azzjonijiet li jiksru dawk il-prinċipji, kemm f’ġieħ l-integrità tagħha stess kif ukoll għall-kredibilità tal-istituzzjoni li tirrappreżenta.
Imma sfortunatament jidher li Metsola ħadet pożizzjoni ferm differenti minn dik tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.
Yannick Pace ikkumenta li jista’ jkun li s-skiet ta’ Metsola mhuwiex biss falliment ta’ tmexxija imma riflessjoni ta’ tmexxija ta’ dawk li ġew qabilha.
F’din l-opinjoni, Pace stqarr li sena ilu talab lil Roberta Metsola biex taġixxi qabel ma jkun tard wisq… imma issa, huwa tard wisq.