Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi flimkien mal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, inawguraw uffiċċju ġdid tal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet fir-Rabat Għawdex.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi semma li fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena l-Aġenzija rċeviet madwar 10,400 applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetajiet u ipoteki relatati.
Aktar minn kwart minnhom, kienu applikazzjonijiet ġejjin minn Għawdex.
Kompla li f’Għawdex biss intalbu aktar minn 1,300 riċerka fuq propjetajiet irreġistrati f’Għawdex filwaqt li saru 150 applikazzjoni biex jiġu rreġistrati amministraturi ta’ kondominju fil-gżira Għawdxija.
Dawn huma 17% tal-kondominji kollha li ġew irreġistrati f’Malta u Għawdex fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri qal li l-ispazju li qed jiġi inawgurat illum hu investiment dirett kemm fil-ħaddiema ta’ din l-Aġenzija, kif ukoll fiċ-ċittadini li issa ser jinqdew aħjar.