Attakk Iżraeljan fuq Gaza, ħalla minn tal-inqas 33 persuna mejta, fosthom 21 mara, f’kamp tar-refuġjati.
Dan skont informazzjoni mill-awtoritajiet taż-żona, immexxija mill-Hamas.
Din l-aħbar, ħarġet fl-isfond tal-qtil tal-mexxej tal-Hamas, Yahya Sinwar din il-ġimgħa, li nisslet it-tama ta’ tmiem mill-ġlied. Minkejja dan, uffiċjal għoli fi ħdan il-Hamas, qal li huma se jissaħħu.
Il-President Amerikan attwali, Joe Biden, qal li hemm ċans ta’ ħidma għall-waqfien mill-ġlied fil-Libanu, fejn l-Iżraeljani qed jiġġieldu mal-militanti tal-Hezbollah, iżda din se tkun aktar diffiċli f’Gaża.
Skont l-istess ċifri, f’dan l-attakk ġew feruti aktar minn 85 persuna, b’uħud minnhom qed isofri minn ġrieħi serji, b’oħrajn spiċċaw bi djarhom imġarrfa.
Intqal ukoll li n-numru ta’ mwiet jista’ jiŻboq il-ħamsin, hekk kif hemm għadd ta’ persuni li għadhom maqbuda taħt it-tifrik.