Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela żar l-iStart-Up Festival u t-TechXpo li bħalissa qed jittellgħu fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Matul iż-żjara, il-Prim Ministru mexxa delegazzjoni tal-Partit Laburista, u tkellem ma’ imprendituri, ħaddiema, u esebituri ta’ proġetti u inizjattivi varji marbuta mat-teknoloġija, l-AI, il-VR, il-Fintech.
Il-Prim Ministru sostna li l-qalba diġitali li qed jagħmel pajjiżna huwa rifless f’dawn il-kumpaniji li qed jesebixxu l-prodotti u s-servizzi tagħhom f’dawn il-fieri.
“Din il-fiera nsejħilha bħala showcase tal-opportunitajiet kbar, li qed joffri pajjiżna lill-ġenerazzjoni żagħżugħa, imma tista’ tgħid ukoll lil kull min qed ifittex xogħol, irrispettivament mill-età tiegħu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal li kemm il-Festival u anke l-Expo qed jagħtu opportunità lil start-ups u kumpaniji li jispeċjalizzaw fl-innovazzjoni u t-teknoloġija biex juru x’opportunitajiet jeżistu għal impjiegi ta’ kwalità, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ. Spjega kif Malta qed tattira investiment f’dawn is-setturi li qed jagħtu opportunità li wieħed ikollu karriera. Żied jgħid li b’hekk il-pajjiż qed jgħolli l-kwalità ta’ impjiegi, li qed isir b’sinerġija bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-intrapriża.
“Mela hemmhekk fejn irridu nkomplu nitħaddtu issa li nelevaw ‘il fuq il-kwalità ta’ impjiegi li għandna f’pajjiżna, filwaqt li nkomplu nimbuttaw l-ekonomija tagħna, li tiddeversifika ruħha mhux biss lejn niċeċ ekonomiċi differenti imma waħda li minn forsi dipendenza ftit eċċessiva fuq il-volumi timxi lejn waħda li tenfasizza aktar fuq il-kwalità.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
F’dawn il-jiem taħt saqaf wieħed hemm iktar minn 60 esebitur, fosthom start-ups, kumpaniji, investituri, negozji tal-familja u intrapriżi tal-artiġġjanat minn setturi ekonomiċi varji fosthom l-avjazzjoni, il-lifesciences u t-teknoloġija.