Talba ġdida mill-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa biex jipprova jimmina lil Malta ma ntlaqgħetx mill-Kummissjoni Ewropea fl-aħħar jiem. Dan fil-“gwerra qaddisa” maħlufa tiegħu li jrid jara li jneħħi lill-Partit Laburista mill-poter, li ġie fdat lilu mill-akbar maġġoranza elettorali fl-istorja ta’ pajjiżna.
L-aħħar tentattiv tiegħu sar mal-Kummissarju Ewropew uxxenti għall-Intern, Ylva Johansson, fejn talabha tinvestiga allegat frodi fl-aġenzija Identità fil-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza lil barranin minn pajjiżi terzi, li dwarhom diġà nbdiet inkjesta maġisterjali lokali.
F’rapporti dwar it-tweġiba ta’ Johansson għall-ittri li ntbagħatu minn Casa f’dan ir-rigward, il-Kummissarju informatu li m’għandhiex il-kompetenza biex tintervjeni fuq każi amministrattivi jew ġudizzjarji fil-pajjiżi membri individwali.
Il-Kummissarju wkoll ġibdet l-attenzjoni li l-awtoritajiet Maltin diġà niedew investigazzjoni biex, jekk jinstab li xi permessi nkisbu b’mod mhux skont ir-regoli, jiġu revokati.
Ironikament din il-ġimgħa stess, rapport internazzjonali wera kif, mill-pajjiżi kollha li jistgħu joħorġu l-viża għaż-Żona Schengen, Malta għandha l-aktar proċess restrinġenti, hekk kif is-sena l-oħra mat-38% tal-applikazzjonijiet ġew irrifjutati.
F’kompetizzjoni bejniethom, anke l-Ewroparlamentari Peter Agius talab lil Johansson tintervjeni fuq l-aġenzija Identità waqt laqgħa li kellu magħha fi Brussell.
Sorsi viċin ħafna tal-Kummissjoni Ewropew u l-Partit Popolari Ewropew qalula li l-insistenza tal-Ewroparlamentari Nazzjonalisti biex ipoġġu lil Malta f’dawl ikrah qed idejjaq anki lil dawk li jappertjenu għall-istess grupp Ewropew, li jagħmel parti minnu l-Partit Nazzjonalista.
Fl-aħħar jiem, id-Deputat Mexxej u Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba tenna li r-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew bdew mill-ewwel jiem tal-leġiżlatura l-ġdida jinsistu dwar min minnhom se jagħmel l-akbar ħsara lil pajjiżna.
Dan wara li ONE News irrapporta kif l-istess Casa ftaħar li ltaqa’ man-nominat Kummissarju Ewropew dwar is-saltna tad-dritt, id-demokrazija u l-ġustizzja, l-Irlandiż Michael McGrath, u ħeġġu biex jiffoka partikolarment fuq Malta.
Minbarra hekk, Agius Saliba ħabbar li Agius attakka lil pajjiżna, fl-ewwel diskors tiegħu fil-plenarja fi Brussell, waqt li uża s-soltu skuża.
Ma’ dan semma wkoll kif ir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista talbu li jkun hemm dibattitu ieħor dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, iżda anke l-Grupp tal-EPP, li jagħmlu parti minnu, irrifjutaw li jerġgħu jagħmlu xi riżoluzzjoni fuq l-istess affarijiet riċiklati.