Il-Bank Malti għall-Iżvilupp (MDB) laqa’ lill-Viċi President tal-Bank Ewropew tal-Investiment (EIB), is-Sur Kyriacos Kakouris, għall-preżentazzjoni uffiċjali tar-Rapport ta’ Valutazzjoni tas-Suq u Rakkomandazzjonijiet taħt l-inizjattiva Green Gateway. Dan il-proġett, li beda aktar kmieni din is-sena, għandu l-għan li jħaffef l-azzjonijiet favur il-klima u l-investimenti sostenibbli f’Malta.
Ir-Rapport ġie ppreparat bħala parti mill-faċilità ta’ klima ta’ €30 miljun tal-MDB, iffinanzjata mill-EIB, li hija ffukata esklussivament fuq proġetti favur l-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali. Barra minn hekk, l-MDB qed jipprepara biex iniedi skemi taħt il-Garanzija ta’ Sostenibbiltà tal-InvestEU tal-EIF, inizjattiva li se tkompli tappoġġa t-tranżizzjoni ħadra tal-SMEs Maltin u “mid-caps” żgħar.
Is-Sur Kyriacos Kakouris, Viċi President tal-EIB, iddikjara li, “L-appoġġ tal-Green Gateway Advisory huwa pass strateġiku importanti għall-MDB. Billi niffokaw fuq soluzzjonijiet ta’ finanzjament innovattivi, l-MDB qed ipoġġi l-pedament għal impatt ambjentali pożittiv li jgħin lil Malta tilħaq l-għanijiet klimatiċi tagħha.”
Is-Sur Leo Brincat, Chairman tal-MDB, żied jgħid, “Din is-sħubija mal-EIB tagħtina l-opportunità li nieħdu rwol ewlieni fl-avvanz tal-aġenda ta’ sostenibbiltà ta’ Malta. Bl-appoġġ tagħhom, l-MDB huwa mgħammar tajjeb biex imexxi proġetti innovattivi li jsaħħu r-reżiljenza ambjentali tal-pajjiż.”
Is-Sur Paul V. Azzopardi, Kap Eżekuttiv tal-MDB, ikkummenta li, “Dan ir-Rapport huwa pass ieħor ‘il quddiem biex inniedu t-tranżizzjoni ta’ Malta lejn ekonomija aktar ħadra. Billi nħeġġu soluzzjonijiet innovattivi ta’ finanzjament, mhux biss qed nindirizzaw l-isfidi urġenti tat-tibdil fil-klima iżda wkoll nassiguraw tkabbir sostenibbli għall-intrapriżi u l-komunitajiet tal-pajjiż.”