“L-immigrazzjoni ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejha b’soluzzjonijiet tradizzjonali, għax nafu li ma ħadmux, għalhekk l-importanza ta’ soluzzjonijiet innovattivi.” Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela f’kummenti mal-midja fi tmiem is-summit tal-Kunsill Ewropew, li sar il-Ħamis fi Brussell.
Id-diskussjonijiet f’dan is-summit kienu ddominati mit-tema tal-immigrazzjoni irregolari.
Il-Prim Ministru Malti sostna kif kompla jwassal il-pożizzjoni konsistenti ta’ pajjiżna dwar din ir-realtà, jiġifieri dik tal-prevenzjoni tal-immigrazzjoni irregolari, il-ġlieda kontra t-traffikar uman u aktar effiċjenza fil-politika Ewropea li tiffoka fuq ir-ritorni.
B’pajjiżna ilu jwassal dan il-messaġġ għal aktar minn erba’ snin u ntqal kif issa kibru l-pressjonijiet tal-immigrazzjoni madwar l-Ewropa.
“U llum il-ġurnata, wieħed jista’ jitkellem li waħda mis-soluzzjonijiet ewlenin tibqa’ l-prevenzjoni tat-tluq minn pajjiżi differenti, huma liema huma, fil-każ tagħna nitħaddtu ħafna dwar il-Libja. Il-Libja hi nnifisha riċevitur ta’ immigrazzjoni irregolari, mhix il-kaġun hi ta’ immigrazzjoni irregolari, imma tbati wkoll minn din il-pjaga. Il-policy ta’ ritorn u dik hi importanti ferm.”
Kien hawn li l-Prim Ministru semma wkoll kif soluzzjonijiet innovattivi huma kruċjali, fosthom il-kunċett ta’ return hub mechanism, li Malta pproponiet ftit tax-xhur ilu.
Dr Abela sostna wkoll l-importanza li l-immigrazzjoni irregolari ma tiġix ittrattata b’mod iżolat u l-investiment f’oqsma, bħall-edukazzjoni u t-tkabbir ekonomiku f’dawn il-pajjiżi, żgur jgħin fl-istabbiltà tar-reġjuni.
Qabel dan is-summit, il-Prim Ministru Robert Abela ħa sehem f’laqgħa mal-pajjiżi l-aktar milqutin mill-immigrazzjoni, li ġie organizzat mill-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni, bis-sehem ukoll tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.