Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, il-passiġġieri li qasmu bejn Malta u Għawdex żdiedu b’aktar minn kwart ta’ miljun, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Dan hekk kif sal-aħħar ta’ Settembru qasmu bejn Malta u Għawdex kienu jgħoddu għal aktar minn ħames miljun u mitejn elf passiġġier. Waqt li fl-ewwel disa’ xhur tas-sena l-oħra qasmu bejn iż-żewġ gżejjer ftit inqas minn ħames miljun passiġġier.
L-aktar kwart bieżel bil-passiġġiera kien dak ta’ bejn Lulju u Settembru li għadda, għalkemm dan naqas bi ftit, b’mija disgħa u għoxrin passiġġier, meta mqabbel mat-tielet kwart tas-sena l-oħra.
Iżda, minn dawn iċ-ċifri ħareġ li kien hemm żieda sinifikanti fl-ewwel u t-tieni kwart ta’ din is-sena, meta mqabbel mas-sena l-oħra.
Skont iċ-ċifri tal-NSO ħareġ ukoll kif il-vjaġġi u anki l-passiġġiera żdiedu wkoll f’dawn l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena.
Bejn Jannar u Settembru li għadda, il-passiġġiera qasmu l-aktar bil-vapur ta’ Għawdex, hekk kif kważi kienu jammontaw għal erba’ miljun u erba’ mitt elf passiġġier. Dan filwaqt li bil-fast ferry, bejn il-Belt Valletta u l-Imġarr, Għawdex, qasmu kważi seba’ mija u tletin passiġġier, f’dan l-istess perjodu.