Hekk kif il-Ħamis filgħodu tħabbret il-mewt tal-kantant ex One Direction Liam Payne, l-awtopsja li saret ikkonkludiet li miet kawża tal-ġrieħi gravi li ġarrab bil-waqa’ mill-gallarija fit-tielet sular tal-lukanda li kien fiha, iżda ġie konkluż ukoll li l-mod li bih instabat ma’ l-art jindika li Payne ma kienx f’sensih meta waqa’ għax li kieku l-pożizzjoni kienet tindika li pprova jilqa’ ruħu b’mod instintiv.
L-awtopsja saret minn żewġ patoloġisti forensiki li kkonkludew li miet mal-ewwel kawża ta’ diversi ġrieħi nkluż ksur tal-kranju.
Sadanittant l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin fejn ir-rapport tal-prosekutur pubbliku qal li kienu ġew elevati serje ta’ sustanzi mill-kamra tiegħu li kienu jindikaw li kien ikkonsma ammont ta’ alkoħol u drogi qabel l-inċident.
Numru ta’ persuni qed jiġu interrogati sabiex ikollhom stampa ċara ta’ x’ġara fis-siegħat ta’ qabel il-waqgħa.
Kienu diversi ċelebritajiet li esprimew is-sogħba tagħhom għall-mewt ta’ Payne fosthom sħabu mill-grupp One Direction kif ukoll Simon Cowell li kien il-moħħ wara l-grupp u ħabib personali ta’ Payne. Filfatt Cowell tant ħadha bi kbira din l-aħbar li rtira mill-iffilmjar ta’ Britain’s Got Talent li għaddej bħalissa u kellu jiġi sostitwit fil-panel tal-ġurija. Eluf ta’ segwaċi ħonqu t-triq ta’ quddiem il-lukanda fejn seħħet it-traġedja fejn bħala omaġġ xegħlu diversi xemgħat u tpoġġew ħafna fjuri.