Bħalma l-ħaddiema tax-Xatt ma ħallewx il-pajjiż waħdu fil-pandemija, mhux se jitħallew waħedhom huma fil-mument tal-prova tagħhom.
Dan qalu l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, f’diskors Parlamentari fejn spjega l-opinjoni dettaljata li bagħtet il-Kummissjoni Ewropea lill-Gvern Malti fil-konfront tal-operaturi tax-Xatt f’pajjiżna, b’mod speċifiku dwar il-liċenzjar u r-regolamentazzjoni tal-ħaddiema tal-Port tagħna.
Qal, “Il-Kummissjoni qed tgħid li hemm diverġenza ta’ interpretazzjoni fir-rigward tat-tħaddim tat-trattati tal-Unjoni, speċjalment fir-rigward tar-reġim li jirregola l-ħaddiema liċenzjati tal-Port. Din id-diverġenza hi msejsa fuq żewġ binarji ewlenin. L-ewwelnett, il-kwota tal-ħaddiema liċenzjati tal-Port u, it-tieni, il-wirt kwalifikat tal-liċenzji kif stipulat fir-regolamenti dwar il-ħaddiema tal-Port. Skont il-Kummissjoni Ewropea, id-diverġenza hi marbuta mal-applikazzjoni tal-artikoli trattattati Ewropej relatati mal-libertà tal-moviment tal-ħaddiema u tas-servizz, id-dritt tal-istabbiliment u l-libertà kif għedt li tipprovdi s-servizz.”
Minkejja din l-opinjoni dettaljata mill-Kummissjoni Ewropea, il-Ministru Bonett ikkonferma l-pożizzjoni ta’ pajjiżna f’dan ir-rigward u enfasizza l-impenn tal-Gvern Malti li jibqa’ jiddefendi bis-saħħa kollha l-interessi tal-burdnara Maltin u Għawdxin.
Qal, “U minn meta l-Kummissjoni esprimiet għall-ewwel darba dawn il-ħsibijiet tagħha fl-2020, proprju minn dakinhar, il-Gvern Malti ma waqafx jiddefendi bil-qawwa kollha l-qafas legali tagħna li jassigura ħarsien sħiħ lejn il-ħidma u l-għajxien tal-ħaddiema liċenzjati tax-Xatt tagħna. U, Mr Speaker, minkejja din l-opinjoni dettaljata tal-Kummissjoni Ewropea, li issa possibbilment se tiftaħ kawża kontra pajjiżna fil-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, illum f’din il-Kamra tal-poplu rrid nikkonferma, bħala Ministru responsabbli, li dan il-Gvern għadu u se jibqa’ mpenjat li jkompli jressaq ’il quddiem id-difiża ta’ dawn il-ħaddiema.”