“Il-Partit Nazzjonalista qed jibbaża politika li tirkeb fuq il-fake news bl-iskop li jiggwadanja politikament.” Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Laburista, bit-tema ‘Inġeddu Malta Pajjiżna’, li ġiet indirizzata mill-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, Naomi Cachia.
Il-Ministru Attard elenka ħames okkażjonijiet li, fi ftit ġimgħat, il-Partit Nazzjonalista ħoloq minn żniedu biex jipprova jħammeġ il-karattru ta’ persuni, iżda, imbagħad, joħroġ anke minn istituzzjonijiet ġudizzjarji, li minn dan kollu ma kien hemm xejn minnu.
Minbarra hekk, fl-ebda miċ-ċirkostanzi, il-Partit Nazzjonalista ma wera xi ħajra li jagħmel apoloġija lill-vittmi tiegħu.
Dan bħalma kien l-eżempju fil-każ tas-sentenza tal-Qorti dwar il-gidba sfaċċata u serja mill-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fuq id-Deputat Laburista Carmelo Abela.
Issemma wkoll il-każ tal-mewt traġika ta’ Stephen Mangion fejn hawnhekk il-Partit Nazzjonalista ħareġ fuq il-midja soċjali biex jgħajjar lill-istituzzjonijiet tas-saħħa f’pajjiżna fuq akkużi bla bażi.
Il-Ministru Attard semma wkoll il-każ fejn l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Peter Agius ġie kkonfermat li gideb sfaċċatament mill-OLAF dwar allegat użu ħażin ta’ fondi Ewropej.
Każ ieħor jinkludi l-gazzetta Nazzjonalista Il-Mument, li rrapportat bi prominenza gidba dwar negozju f’Għawdex li kien se jitwaqqaf l-operat tiegħu. Dan ukoll instab li ma kien xejn għajr fake news oħra.
Hu stqarr li l-Partit Laburista jappoġġja l-libertà tal-espressjoni u, għalhekk, fil-Parlament qed isiru aktar miżuri biex jissaħħu wkoll is-sisien fuq il-vittmi.
Qal, “Il-viltà f’dan kollu, imbagħad, hi li kellek sitwazzjoni fejn id-Deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Claudette Buttigieg ħarġu litteralment jigdbu li jien għedt li Gvern Laburista jerġa’ jdaħħal il-libell kriminali biex il-ġurnalisti u kull min jesprimi ruħu jkun jista’ jinbagħat il-ħabs. Din hi totalment gidba li se jkollhom iwieġbu għaliha quddiem il-Kummissarju għall-Istandards fil-ħajja Pubblika. Għalhekk hawnhekk insostni li l-Partit Nazzjonalista jrid jerfa’ r-responsabbiltà għal dawn l-istanzi kollha ta’ fake news u attakki bbażati mhux fuq is-sewwa.”
Min-naħa tagħha, il-Whip Naomi Cachia sostniet li l-aġir tal-Partit Nazzjonalista qed ikompli jnaffar lil dawk il-persuni li huma mħajrin jidħlu fil-politika lokali.
Aċċennat li din hi n-narrattiva qarrieqa ta’ kif iġibu rwieħhom ir-rappreżentanti tal-PN, waqt li rrimarkat li, fl-aħħar mill-aħħar, għandna niffokaw fuq is-sustanza, għax stejjer bla bażi jġibu riperkussjonijiet serji fuq il-politika tagħna.
Qalet, “Niftakru li dan l-aġir jaf ikollu riperkussjonijiet koroh fuq min jispiċċa vittma ta’ fake news, apparti li jkompli jnaqqar mill-kredibilità tal-klassi politika. Pajjiżna u l-poplu tagħna qed jistenna politika ħafna iktar serja u matura.”