Mill-2020 ‘l hawn 66 proġett ġew approvati taħt l-iskema Startup Finance b’allokazzjoni ta’ €30 miljun, li €8.7 minnhom diġà ingħataw. Dawn il-proġetti jkabbru firxa wiesgħa ta’ setturi fosthom teknoloġiji diġitali, fintech, life sciences u cybersecurity. Dawn joffru impjiegi b’pagi għoljin li jvarjaw bejn €45,000 u €60,000.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri waqt il-ftuħ tal-iStartup Festival, li jinsab fir-raba’ edizzjoni tiegħu, u li għandu l-għan li jġib flimkien taħt saqaf wieħed, persuni żgħażagħ b’idea li tista’ tiżviluppa fi startup, investituri u esperjenzi reali minn startups kemm f’pajjiżna kif ukoll lil hinn.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri qal li llum qed timmarka l-bidu ta’ fejn irridu lill-pajjiżna fil-25 sena li ġejjin u kif flimkien se nkunu qed nibnu l-futur ta’ pajjiżna.
Din is-sena l-iStartup Festival se jingħaqad mat-TechXpo. Din hija t-tieni sena li qed jittella’ t-TechXpo li se jkun akbar mis-sena li għaddiet. Fit-TechX wieħed jista’ jara l-avvanzi kbar fit-teknoloġija li għandna f’pajjiżna, b’numru ta’ kumpaniji jippreżentaw t-teknoloġiji li qed jaħdmu bihom.
L-iStartup Festival se jkun miftuħ minn sas-Sibt 19 ta’ Ottubru, fl-MFCC Ta’ Qali.